Ir-rigali li ngħataw matul iż-żjara appostolika tal-Papa Franġisku s-Sibt

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 2 ta’ April 2022: Ir-rigali mogħtija mill-Papa Franġisku lill-President ta’ Malta, Dr George Vella u lis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu.

Il-midalja mogħtija mill-Papa Franġisku lill-President ta’ Malta, Dr George Vella.

Il-midalja turi l-istatwa ta’ San Pawl tal-Katidral tal-Mdina. F’riġlejh, hemm il-lifgħa li ħarġet min-nar u gidmitlu idu mingħajr ma kkaġunatlu ebda ħsara. Fuq ix-xellug tal-munita hemm il-koppla tal-Katidral ta’ Malta, li lil hinn minnha hemm veduta tal-gżira.
Fuq il-lemin hemm is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fuq il-gżira Għawdxija, bil-pruwa ta’ dgħajsa fuq quddiem tal-munita, li jfakkru l-iżbark ta’ San Pawl f’Malta flimkien mal-priġunieri l-oħra li baqgħu ħajjin fin-nawfraġju. L-isem u d-dati tal-Vjaġġ Appostoliku jidhru fuq, bis-sena taħt.

Il-Warda tad-Deheb, mogħtija mill-Papa Franġisku, li qed tingħata lis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu, Għawdex b’sinjal ta’ devozzjoni Marjan

Il-Warda hija tal-fidda 925/°°° u għandha l-fergħat u l-istemma miksijin bid-deheb ta’ 24 karat. Għandha bażi ta’ rħam roża, b’vażun tal-fidda bl-arma tal-Papa fuqu, li minnu joħorġu friegħi b’żewġ wardiet maħduma f’ambra naturali u weraq maħdum bil-fidda.

Il-Warda tad-Deheb hija rigal esklussiv ippreżentat mill-Pontifiċi Supremi fiż-żjarat tagħhom lis-santwarji Marjani skont tradizzjoni antika li biha l-papiet juru d-devozzjoni tagħhom lejn il-Verġni Mqaddsa Marija.

Il-Warda hija għolja madwar 84ċm u tiżen 1,200gr.

Ir-rigali li ngħataw lill-Papa Franġisku mill-President u l-Prim Ministru ta’ Malta

Il-President Dr George Vella ta pittura lill-Papa Franġisku li tirrappreżenta lil San Pawl bi ktieb tal-Atti tal-Appostli f’idejh tal-artist Manwel Farrugia.

Il-Prim Ministru tah strument mediku li jeżamina d-demm ta’ persuni li jgħixu f’faqar u li jużaw il-klinika pontifiċja ‘Madre della Misericordia’. Din il-klinika hi parti mill-azzjonijiet li ħa l-Papa Frangisku biex jibdel il-Belt tal-Vatikan fil-Belt tal-Ħniena.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

%d bloggers like this: