QUDDIESA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilka ta’ San Pietru, 2 ta’ Frar 1982
1. “Lumen ad revelationem gentium”.
Dan il-kliem dewa għall-ewwel darba fl-istess post tat-tempju ta’ Ġerusalem, li fih kien jitwettaq ir-rit tal-purifikazzjoni tal-ommijiet wara t-twelid tal-ewwel iben tagħhom.
Ippronunzjah ix-xwejjaħ Xmun, li kien profeta.
Ippronunzjah quddiem Marija u Ġużeppi, li kienu ħadu fit-tempju t-Tarbija mwielda f’Betlem.
Għalkemm dan il-kliem kien midwi f’post wieħed, il-verità mxandra fih imliet it-tempju kollu: l-ispazju kollu kemm hu ddedikat lil Alla ta’ Iżrael fl-istennija tal-Messija.
Dan il-kliem mela t-tempju ta’ Ġerusalem bid-dawl tad-destini tiegħu kkonċeputi sa mill-eternità: “dawl li jdawwal il-ġnus / glorja tal-poplu tiegħu Iżrael” (Lq 2,32).
2. Ejjew illum nidħlu fil-Bażilika ta’ San Pietru, waqt li ntennu l-kliem ta’ Xmun.
Ejjew nimxu fi proċessjoni, bix-xemgħa f’idejna: is-sinjal tad-dawl “li jdawwal lil kull bniedem” (Ġw 1,9). Sinjal ta’ Kristu mwieled f’Betlem. Sinjal ta’ Kristu ppreżentat fit-tempju, Sinjal ta’ kontradizzjoni (cf. Lq 2,34).
Ejjew nistqarru lil Kristu f’dan is-sinjal.
Ma kellhomx forsi jikkontraduċuh il-kontemporanji tiegħu? Ulied il-poplu li lilhom kien mibgħut? Iva. Hekk hu. Ikkontraduċewh. Biex jitfu d-Dawl, wikkewh il-mewt.
Xmun ipprofetizza din il-mewt meta qal lil Ommu: “U lilek ukoll xabla tinfidlek ruħek” (Lq 2,35).
Il-mewt tas-salib ma tfietx id-dawl ta’ Kristu. Huwa ma ġiex misħuq mill-blata tal-qabar.
Hawn aħna, ejjew nidħlu ġo din il-Bażilika inġorru d-dawl: sinjal ta’ Kristu msallab u rxuxtat.
Fis-salib u fil-qawmien mill-imwiet tikkonferma ruħha sal-aħħar il-profezija ta’ Xmun: sinjal ta’ kontradizzjoni – sinjal ta’ dawl.
3. Kristu ma daħalx jewwilla b’dan is-sinjal fl-istorja tal-bniedem? Ma jfiġġx, hu, lejn id-diversi epoki tal-istorja umana? Ma teżisti ebda epoka, li fiha hu ma kienx ikkontraduċut. U f’din il-kontradizzjoni żvela ruħu kull darba mill-ġdid id-Dawl biex idawwal il-bniedem.
Is-seklu tagħna mhuwiex ukoll l-epoka ta’ kontradizzjoni multipla fil-konfront ta’Kristu?
U propju f’dan is-seklu huwa forsi ma jiżvelax ruħu mill-ġdid bħala d-Dawl biex idawwal il-bndmin u l-popli?
“Lumen gentium cum sit Christus…”: propju b’dan il-kliem jibda t-test tad-dokument ewlieni tal-Knisja ta’ żminijietna.
Is-sinjal imdawwal li fih illum nistqarru lil Kristu – Bin Marija –, Kristu mwieled f’Betlem, ippreżentat fit- tempju – Kristu msallab u rxuxtat – huwa sinjal sempliċi u fl-istess ħin tant għani. Għani bħall-ħajja, ladarba infatti “il-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin” (Ġw 1,4).
Kristu huwa d-dawl tal-ħajja umana. Huwa d-dawl għaliex iferrex id-dlamijiet tagħha. Huwa d-dawl għaliex idawwal il-misteri tagħha. Għaliex iwieġeb id-domandi fundamentali u fl-istess ħin definittivi. Huwa d-dawl għaliex jagħti s-sens lill-ħajja. Huwa d-dawl għaliex jikkonvinċi l-bniedem dwar id-dinjità kbira tiegħu.
Fis-sinjal ta’ dan id-dawl ġejna llum f’dan it-tempju Ruman ta’ San Pietru, bħalma darba Marija u Ġużeppi telgħu fit-tempju tal-patt il-qadim, li kien jistenna l-Messija.
4. Ninsabu hawn biex ngħixu mill-ġdid il-misteru tal-Preżentazzjoni tal-Mulej. Il-Preżentazzjoni fit-tempju, li saret mudell u sors ta’ ispirazzjoni.
Hija hi wkoll id-dawl li jdawwal il-ħajja umana. Ejjew ngħixu fi Kristu bid-dawl tal-Preżentazzjoni.
Permezz tal-qalb tal-bniedem, li fiha l-bniedem joffri “sagrifiċċji spiritwali”, id-dinja kollha ma tinbidilx f’tempju ġgantesk tal-kożmu?
Ma tinbidilx fi spazju kbir kristoċentriku tal-ispirtu maħluq, li fih jopra l-Ispirtu Santu?
Oh, kemm tistà l-qalb umana ċkejkna meta tħalli lilha nfisha tiġi ppenetrata mid-dawl ta’ Kristu, u ssir it-tempju tal-Preżentazzjoni!
5. Qed nitkellem propju dwarkom, għeżież ħuti rġiel u nisa, ulied subien u bniet tal-Knisja, li tappartienu lil tant Ordnijiet u Kongregazzjonijiet reliġjużi.
Qed nitkellem dwar kulħadd – dwar il-Poplu kollu ta’ Alla li Kristu għamel “għal Alla tagħna saltna ta’ saċerdoti” (Ap 5,10) – imma qed nitkellem b’mod speċjali dwarkom.
Dwarkom, li llum tinsabu hawn u qegħdin iġġorru f’idejkom id-dawl ta’ Kristu – dwar ħutkom kollha fid-dinja kollha. B’mod partikolari dwar dawk li jġorru is-slaleb l-iktar tqal!
Jalla d-dawl tal-Preżentazzjoni Mqaddsa, li bil-grazzja ta’ Kristu xegħel fi qlubkom permezz tal-professjoni reliġjuża, iħeġġeg dejjem f’kull wieħed u waħda minnkom!
Jalla li waqt li jħeġġeg jiddi quddiem l-oħrajn.
La taħbux dan id-dawl! La tneħħulux l-isplendur evanġeliku sempliċi tiegħu!
Intom tant meħtieġa għall-Poplu messjaniku ta’ Alla fil-pellegrinaġġ tiegħu lejn id-Dawl etern.
6. Kristu tat-tempju Ġerosolmitan! Ġedded lilna lkoll fil-misteru tal-preżentazzjoni tiegħek; ippermettilna, bl-interċessjoni ta’ Ommok, li nkomplu għaddejjin b’perseveranza lejn Dak li “jgħammar f’dawl li ħadd ma jistà jersaq lejh” (1Tm 6,16).
Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb