San Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa Rumana ta’ San Giovanni Bosco

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI LILL- PARROĊĊA ROMANA
TA’ SAN GIOVANNI BOSCO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 31 ta’ Jannar 1982

1. “… Allura Ġesù sejjaħ ħdejh tfajjel, qiegħdu f’nofshom u qal: “Fis-sewwa ngħidilkom: jekk ma tinbidlux u ssiru bħat-tfal, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet… “” (Mt 18,2-3).

Għeżież ħuti, dan il-kliem ta’ Kristu kien bla dubju mhux tas-soltu għas-semmiegħa tiegħu.

B’mod speċjali, kien sorpriża għad-dixxipli tiegħu, li “resqu lejn Ġesù waqt li qalulu:  Min hu mela l-ikbar fis-saltna tas-smewwiet?”.

U jikkostitwixxu sorpriża wkoll għalina. Kristu rabat b’mod partikolari u eċċezzjonali l-misteru tas-saltna tas-smewwiet mal-figura tat-tfajjel.

Huwa minflok ma wieġeb bil-kliem għad-domanda magħmula mid-dixxipli, wieġeb b’eżempju ħaj.

Dan l-eżempju jaffaxxina bis-sempliċità tiegħu; dan huwa evanġeliku fis-sustanza kollha tiegħu. Kristu spjega l-misteru tas-saltna ta’ Alla billi nqeda b’diversi parabboli. Wieħed jistà jgħid li t-tfajjel sar waħda minnhom; infatti t-tfajjel donnu jispjega l-misteru tas-saltna ta’ Alla b’mod partikolarment ċar.

Bdanakollu l-misteru jibqà dejjem misteru.

2. San Ġwann Bosco kien fl-istorja tal-Knisja fost dawk li l-aħjar fehmu l-parabbola ta’ Kristu dwar is-saltna tas-smewwiet, espressa bl-eżempju tat-tfajjel. Huwa kien wieħed mill-aħjar esperti ta’ ruħu, u wieħed mill-ikbar edukaturi taż-żgħażagħ.

Il-qaddis fehem li f’kull esseri uman żagħżugħ, fit-tfajjel u fit-tfajla, is-saltna ta’ Alla hija offruta b’mod partikolari bħala dmir lill-bniedem. Hemm bżonn nilqgħuha f’dan is-sens, skont tali prospettiva, jekk irridu fl-aħħar, nidħlu fiha. Il-Mulej Ġesù jgħid: – “Min jilqà wkoll wieħed biss minn dawn it-tfal f’ismi, jilqà lili” (Mt 18,5), Ġesù stess ingħata għalina, u huwa mogħti bi dmir għar-ruħ tat-tfajjel, ladarba permezz ta’ Ġesù, u grazzi lilu, is-saltna ta’ Alla tibda fil-bniedem u tiżviluppa.

Ġwanni Bosco laqà din il-verità b’mod straordinarju, hekk bħalma jistà jilqagħha biss qaddis. Fiha huwa sab il-kariżma ewlenija ta’ ħajtu saċerdotali, il-vokazzjoni speċjali propja. Magħha kiseb riżorsi enerġetiċi, saħansitra inkomprensibbli. Huwa ħabb is-saltna ta’ Alla preżenti fir-ruħ tat-tfajjel, u tali mħabba evanġelika mhux biss għamlet minn dan is-sempliċi saċerdot edukatur ġenjali, imma wkoll mgħallem għaref tal-edukaturi. B’dan il-mod huwa sar ħallieq ta’ bosta ċentri moderni għaż-żgħażagħ, u Fundatur imdawwal ta’ dik il-Kongregazzjoni li tikkultiva l-ispiritwalità tagħha u l-kariżma tagħha, billi tittrażmettihom minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, għal iktar minn seklu.

3. Il-jum 31 ta’ Jannar, il-Knisja tqim it-tifkira ta’ San Ġwann Bosco. U propju f’dan il-jum ingħatali li nżur il-parroċċa tagħkom li l-Isqof ta’ Ruma afda lil uliedu spiritwali: is-Sależjani.

Jien tassew kuntent li ninsab hawn magħkom, għeżież fidili tal-kwartier “Don Bosco”, u nixtieq nibqà fit-tul biex nagħraf iktar fil-fond ħajjitkom, u naqsam, bil-ferħ, il-bosta diffikultajiet, kultant gravi ħafna, li jassaltawkom.

Nestendi t-tislima ta’ mħabba tiegħi, qabel kollox lis-snjur Kardinal Vigarju u lill-Kardinal Righi-Lambertini, Titulari ta’ din il-Knisja, lill-Isqof Awżiljarju tas-Settur, Monsinjur Ġiulio Salimei li, fi tmiem il-Vista pastorali, bagħtilkom ittra sabiħa li jien ukoll kelli ċans naqra. Magħhom nassoċja lir-reliġjużi għeżież tal-Komunità Sależjana, bis-Superjur Don Enzo Policai u l-Kappillan Don Savino Losappio, li ħejjew b’dedikazzjoni ġeneruża din il-laqgħa festuża.

Il-ministeru ta’ min ifaħħru u responsabbli tas-Sależjani huwa ssapportjat mill-Figlie di Maria Ausiliatrice, preżenti fl-isfera tal-parroċċa f’żewġ istituti, bi kważi disgħin reliġjuża, impenjati fid-diversi dmirijiet tal-iskola, tal-katekeżi u tal-assistenza.

Insellem lill-gruppi kollha lajkali operanti fil-komunità ekkleżjali wiesgħa: il-mitt Katekist tant ta’ min ifaħħarhom, il-Gruppi tal-Liturġija u tal-Moviment tal-Fokolari, tan-Neo Katekumenali, tal-Miżżewġin, tat-Tiġdid tal-ispirtu. Nixtieq ma ninsa lil ħadd; lilkom ilkoll inwassal ħsiebi ta’ mħabba fil-Mulej. B’tali għan insellem lil kull kategorija tal-parroċċa, b’rispett partikolari lill-Anzjani, lill-Morda u liż-Żgħażagħ, li jikkostitwixxu nukleju ppopulat b’mod straordinarju fl-istruttura tal-kwartier. Inħobb, fl-aħħarnett, inħaddan b’mod spiritwali lil dawk kollha preżenti u lil dawk li ma setgħux jieħdu sehem f’din il-laqgħa, biex nassikurakom li naf ir-realtà ħajja ta’ din il-familja parrokkjali, li għaliha, bil-grazzja tal-Mulej, irrid inħalli tifkira ferrieħa ta’ parteċipazzjoni qawwija, li hija ta’ inkuraġġiment ħaj u ta’ inċitament profond.

Il-parroċċa tagħkom li kibret madwar it-Tempju kbir mibni ad unur ta’ Don Bosco, li kienet diġa mwaqqfa fl-1953, għaddiet f’dawn is-snin minn 12,000 fidil għal kważi 100,000, b’hekk laħqet l-ogħla numru tad-dijoċesijiet. Fix-xhur li għaddew,, b’parti mit-territorju tagħha twaqqfet parroċċa oħra.

Nafhom sewwa d-diffikultajiet varji tal-ambjent dovuti fil-parti l-kbira għal tkabbir irregolari u mgħaġġel, mingħajr is-servizzi ospedalieri, sportivi, rikrejattivi,ta’ spazju aħdar. Naf il-problemi taż-żgħażagħ, milquta b’mod parttikolar mill-fenomenu tad-diżokkupazzjoni, b’tensjonijiet u inkonvenjenzi evidenti; u dawk tal-anzjani li spiss jibqgħu neqsin mill-assistenza.

F’dan l-ambjent ta’ problemi soċjali wiesà u xejn faċli, il-Patrijiet Sależjani huma msejħa biex jiżvolġu xogħol immens u tqil. Bħala Isqof ta’ din il-belt nobbli, feħsiebi nirrendi xhieda liż-żelu pastorali u lill-ġenerożità bla mistrieħ tal-ulied irġiel u nisa ta’ Don Bosco, waqt li niżżihom ħajr mill-qalb għal dak li jagħmlu favur l-iżvilupp spiritwali, morali u soċjali ta’ dan il-porzjon għażiż tad-dijoċesi tiegħi. Jiena qrib tagħhom, waqt li li ninkuraġġihom fl-impenn tagħhom li jiffurmaw kuxjenzi imdawla u sodi ta’ bnedmin u ta’ nsara, li jkunu jafu dak li għandhom iridu, u jkunu lesti jwettquh, fl-ambjent ta’ libertà nisranija awtentika.

L-ispirtu u l-kariżma ta’ Don Borco għandhom jindirizzaw rgħajja u fidili f’din l-opra ta’ formazzjoni individwali, għall-ġid tal-komunità kollha, għall-iżvolġiment tad-diversi dmirijiet meħtieġa.

Ad unur tas-sewwa, il-“post ordinarju” tax-xogħol tas-Sależjani huma l-istituti edukattivi kbar. Il-parroċċa hija xi ħaġa differenti. Xejn inqas, id-dmir edukattiv imiss in-nukleju ħaj tal-pastorali u tal-apostolat parrokkjali, ladarba hu – bħalma aċċennajt hawn fuq – li jiffurmawil-kuxjenzi, l-intelliġenzi u r-ridiet, billi joffrulhom kontenuti awtentiċi u għanijiet li jgħoddu. Hemm bżonn mela li l-kariżma sależjana tkun b’mod fruttuż attiva wkoll fil-ħajja u fl-attività parrokkjali.

4.Il-liturġija tallum, mhux biss fis-silta tal-Vanġelu ta’ San Mattew, imma wkoll fiż-żewġ qari preċedenti, toffri għall-meditazzjoni diversi temi, li huma qrib tal-vokazzjoni ta’ San Ġwann Bosco u ta’ wliedu spiritwali.

L-ewwel qari, meħud mill-ktib tas-Siradice, jenfasizza fuq kollox l-importanza tar-rapport ma’ Alla, biex nilħqu dak l-għaqal uman u divin li jirrapreżenta l-quċċata tal-ħajja nisranija: “Kull għerf jiġi mill-Mulej… / Jekk tixtieq l-għerf, osserva l-kmandamenti; / allura l-Mulej dan jagħtihulek”. (Sir 1,1.23). Don Bosco kien konvint li mingħajr ħajja profonda ta’ fidi, xejn li jiswa mhu raġġjunġibbli fl-eżerċizzju tad-dejjem attwali “Sistema preventiva”.

“Jiena nqis – huwa kien kiteb – li mingħajr reliġjon, xejn ma jistà jsir tajjeb fost iż-żgħażagħ… il-qawwa li aħna għandna hija qawwa morali… aħna nitkellmu prinċipalment mal-qalb taż-żgħażagħ u l-kelma tagħna hija l-Kelma ta’ Alla” (Memorie Biografiche 13, 557; 5, 225).

Barra minn dan, il-ktieb tas-Siradice illum jistedinna għal kunfidenza kbira fil-Mulej, ukoll fil-waqt tal-lotta u tad-diffikultajiet: “Ibni, jekk tippreżenta ruħek biex taqdi lill-Mulej / ħejji ruħek għat-tentazzjoni… / Afda ruħek lilu u hu jgħinek; / segwi t-triq id-dritta u ttama fih” (Sir 2,1.6).

L-istedina għall-fiduċja fil-Providenza u l-Imħabba tal-Mulej tidher insistenti u kontinwa fil-messaġġ pedagoġiku ta’ Don Bosco: “Mhemmx warda mingħajr xewk…fil-ferħ u fin-niket tkun magħmula r-rieda ta’ Alla, Li ma jabbandunana qatt, linqas meta taħkem madwarna l-iktar tempesta qalila. Kuraġġ mela. Kuraġġ dejjem. Ejjew ma ngħejjew qatt nagħmlu l-ġid” (Memorie Biografiche 15, 176). U jkompli: “Ejjew ma niddubitaw xejn; jien sperimentajt li iktar ma jonqos is-sapport uman, ħafna iktar Alla jtina minn tiegħu… F’nofs il-provi l-iktar iebsa ninħtieġu l-ikbar fidi f’Alla… Jekk l-Opra hija tiegħek, o Mulej. Inti din issostniha; jekk l-Opra hija tiegħi jiena kuntent li taqà” (Ivi, 7, 319).

Ridt infakkar, billi nieħu l-idea minn l-ewwel qari tallum, xi whud mill-pariri bla numru mogħtija minn Don Bosco fl-eżerċizzju instankabbli tal-ministeru tiegħu, għaliex parir għaqli għandu mportanza kbira fix-xogħol edukattiv u fil-pastorali. Dan ma jonqos qatt, fl-isfera tal-komunità tagħkom, min-naħa ta’ dawk kollha li jwettqu dmirijiet ta’ ministeru ta’ formazzjoni. Ir-rgħajja tal-erwieħ fil-konfessjonarju, waqt il-laqgħa mal-parruċċani, fil-pariri dwar il-ħajja miżżewġa, u f’bosta ċirkustanzi oħra; kif ukoll il-ġenituri fl-edukazzjoni domestika, għandhom ikunu jafu joffru parir rett u mdawwal mill-fidi. Hekk ukoll il-kontemporanji fil-konfront tal-kontemporanji tagħhom, skont kemm titlob ħbiberija tajba, jkunu jafu joffru l-għajnuna tal-parir lejali u onest.

5. Ukoll f’dak li smajna fl-ittra ta’ San Pawl, wieħed jistà jsib sintesi qasira tal-programm tal-edukatur tajjeb: Dak kollu li huwa veru, nobbli, ġust, pur, ta’ min iħobbu, onorat, dak li huwa virtù u jixraqlu tifħir, dan kollu huwa oġġett ta’ ħsibijietkom. Dak li tgħallimtu, irċivejtu, smajtu u rajtu fija huwa dak li għandkom tagħmlu. U Alla tal-paċi se jkun magħkom” (Fil 4,8-9).

San Ġwann Bosco, mitt sena ilu, kien rappreżentant u rejalizzatur meraviljuż ta’ dik it-tradizzjoni edukattiva insostitwibbli li tispira ruħha mill-Kelma divina. Il-bniedem, biex jimmatura spiritwalment huwa msejjaħ biex jaċċessa r-riżorsi ta’ dak l-Għerf eterna, li permezz tiegħu is-Saltna ta’ Alla hija diġa minquxa fir-ruħ tat-tarbija.

Tali opra tal-Għerf u tal-Grazzja tiġġenera l-ferħ. Hawn hu l-kliem ta’ San Pawl: “Ifirħu fil-Mulej, dejjem; nerġà nirripetilkom, ifirħu. Id-dħulija tagħkom hija magħrufa mill-bnedmin kollha. Il-Mulej hu fil-qrib! La tinkwetaw għal xejn immna f’kull ma jkollkom bżonn ressqu quddiem Alla t-talbiet tagħkom, b’talb, suppliku u ringrazzjamenti; il-paċi ta’ Alla, li tissupera kull intelliġenza tgħasses qlubkom u ħsibijietkom fi Kristu  Ġesù” (Fil 4,4-7).

Iva! L-opra tal-Għerf u tal-Grazzja tiġġenera l-ferħ, tiġgenera l-paċi.

Fil-jum festiv ta’ San Ġwann Bosco, li ħejja tant ferħ u paċi għal ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ żgħażagħ, nixtieq, fl-okkażjoni taż-żjara tiegħi lil din il-parroċċa kbira Sależjana f’Ruma, nawgura mill-fond ta’ qalbi li ma jonqos qatt tali frott spiritwali lill-komunità tagħkom, f’din l-età u f’dawk suċċessivi.

Illum, forsi iktar minn qatt qabel, jinħass il-bżonn ta’ dik il-paċi u ta’ dak il-ferħ, li fihom timmanifesta ruħha s-Saltna ta’ Alla, diġa preżenti fil-qlub tat-tfal  .

Alla tal-paċi jkun dejjem magħkom.

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: