Il-Kardinal Krajewski jwassal il-barka tal-Papa fl-Ukrajna għall-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Hekk kif il-Knisja ta’ Rit Latin iċċelebrat il-festa l-kbira tal-Għid, l-Almonier tal-Papa, wassal il-barka tal-Papa Franġisku lill-poplu li qed ibati tal-Ukrajna. Il-Kardinal Konrad Krajewski, ħa sehem fil-Quddiesa ta’ Ħadd il-Għid, fil-Katidral Kattoliku fi Kiev. Il-Quddiesa tmexxiet mill-Arċisqof Visvaldas Kulbokas, in-Nunzju Appostoliku għall-Ukrajna, u l-Isqof Vitalii Kryvytskyi, tad-Djoċesi ta’ Kiev-Zhytomyr.

Il-Kardinal fakkar fiż-żjara li hu għamel nhar il-Ġimgħa l-Kbira, fuq il-post fejn hemm qabar tal-massa fil-belt ta’ Borodyanka, fejn ‘il fuq minn 80 katavru kienu ġew midfuna waqt l-okkupazzjoni Russa. Meta tkellem fil-Quddiesa ta’ Ħadd il-Għid, il-Kardinal Krajewski qal li l-fidi tagħna m’għandhiex tieqaf quddiem tali orrur u wġigħ.

“Kristu kellu jqum, għax inkella konna nibqgħu f’Ġimgħa l-Kbira perpetwa. Kieku waqafna u bqajna biss fit-tbatija u d-dnub, umanament ma kien ikun l-ebda hemm triq li noħroġu minn dik is-sitwazzjoni”.

Madankollu, kompla l-Kardinal Krajewski, l-mewt ma kellhiex l-aħħar kelma. “Grazzi lil Alla hemm il-Qawmien. Meta Kristu jwarrab kull ħażen, hemm tama fil-barka Tiegħu”.

Il-Kardinal imbagħad fakkar fil-kliem tal-Papa Franġisku li għamel fl-Urbi et Orbi, li matulu ħeġġeġ lil kulħadd biex jitlob għall-Ukrajna.

“Ġibtilkom il-barka tal-Qdusija Tiegħu”, qal lill-poplu Ukren mill-Katidral fi Kiev. “Jalla l-paċi jirrenja, għax Kristu rebaħ il-mewt. Hu qam, u aħna wkoll inqumu.”

“Христос воскрес!” temm bl-Ukren. “Kristu qam!”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2022-04/konrad-krajewski-pope-francis-blessings-kyiv-ukraine-easter.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: