Il-missjunarju veru hu dak li jpoġġi l-għażla quddiem il-libertà tal-bniedem

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 28 ta’ April 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Ħamis tat-tieni ġimgħa tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nistgħu ngħidu li tinħass ftit stramba li fl-Evanġelju nisimgħu lil Ġesù jitkellem dwar “il-korla ta’ Alla” (Ġw 4:36). Din xi tkun? Ġesù, mhux dak li għallimna l-parabbola tal-Iben il-Ħali; u tad-drakma, li tilfet munita prezzjuża u fittxet d-dar kollha sakemm sabitha u għamlet festa kbira? Mhux dak li jmur ifittex lin-nagħġa l-mitlufa? Mhux dak li jiekol mal-midinbin u mal-pubblikani?

Ġesù jpoġġi quddiemna għażla u l-għażla hi faċli daqskemm hi diffiċli. L-għażla hi li nafdaw fih. Inpoġġu anke l-ħajja tagħna u d-dnubiet tagħna f’idejh. Jekk ngħidulu: ‘jien m’għandiex bżonnok!’ allura se nibqgħu nagħfġu, u ngħixu l-konsegwenzi tat-tgħaffiġ tagħna.

Għax il-korla t’Alla dik hi. Inġibuha b’idejna u fuqna nfusna. Intom taħsbu li Alla jieħu pjaċir bil-gwerer, bil-qtil tal-innoċenti, bid-distruzzjonijiet tal-ħajjin? Dik hi l-korla t’Alla li qed niġbdu fuqna nfusna bl-għażliet tagħna għax warrabnieh, għax għamilna lilna nfusna allat. Issa dawn l-affarijiet narawhom fuq l-iscreens tat-televiżjoni jew l-monitors tal-kompjuter, proprju mid-dinja kollha.

Imma ninsew, li aħna wkoll, kultant lil Alla nwarrbuh f’ħajjitna. Alla jridna nersqu lejh u nilqgħu lill-Mulej, lil Ġesù, bħala dak li qed iwasslilna l-kelma tiegħu. Imma hi kelma li tagħtina paċi, kelma ta’ maħfra.

Intom taħsbu li Alla jieħu pjaċir bil-gwerer, bil-qtil tal-innoċenti, bid-distruzzjonijiet tal-ħajjin? Dik hi l-korla t’Alla li qed niġbdu fuqna nfusna bl-għażliet tagħna għax warrabnieh, għax għamilna lilna nfusna allat.

Il-missjunarju veru hu dak li jifhem li l-kelma tiegħu, mhix tiegħu, imma ta’ Ġesù. Li jpoġġi l-għażla quddiem il-libertà tal-bniedem. Hemm espressjoni sabiħa li togħġobni, u li jħobb jużaha l-Papa Franġisku: aħna rridu nedukaw il-libertà tal-bniedem, mhux iġġiegħlu jagħmel xi ħaġa bilfors. Inti tħajru jersaq lejn Ġesù, lejn it-tajjeb, lejn dak li hu verament sabiħ, u jagħżlu għax irid. Din hi l-edukazzjoni tal-libertà tal-bniedem, mhux l-impożizzjoni. Xi kultant il-ġenituri jinkwetaw: ‘ara naqra ma għadux imur quddies’; ‘ara naqra ma jridux jiżżewġu’; ‘ara naqra ma jridux jafu iżjed b’Alla’. Inti eduka l-libertà tagħhom bl-eżempju, bil-paċenzja, u kultant b’xi kelma. Ma nesaġerawx biex ma naqtgħu qalb ħadd. Xi kultant kelma żejda tagħmel iżjed deni milli ġid. Li teduka l-libertà.

Ġesù ma talabna xejn li ma wettaqx bl-eżempju. Xejn ma talabna, li ma qabadx u għamlu hu. Għalhekk meta qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja għandu jiċħad lilu nnifsu” (Mt 16:24), “hu li għad kellu n-natura ta’ Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla” (Fil 2:6); “jerfa’ salibu” (Mt 16:24), mhux hekk għamel fil-Ġimgħa l-Kbira; “u jimxi warrajja” (Mt 16:24). Għax maħtur mill-Missier biex ikun l-Imgħallem u l-Mulej.

Nitolbu l-interċessjoni ta’ San Luigi Maria Grignion de Montfort biex proprju quddiem il-Mulej ngħidulu: ‘kollox tiegħek. Inti tajtni l-ħajja, tajtni kollox. Jien issa, fuq il-platt se nressaqlek dak li żidt jien; anke t-tgħawwiġ u t-taħwid; inħallih naqra f’idejn l-mamà tiegħek. Ħu paċenzja naddaf li tista’, sebbaħ li tista’, u aħjini, aħfirli, salvani.’

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 5:27-33
Salm: 33 (34):2 u 9,17-18,19-20
L-Evanġelju: Ġw 3:31-36

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: