Wara li l-Ħadd mexxa r-reċita tat-talba ta’ Regina Coeli, l-Papa Franġisku fakkar fil-poplu li qed ibati fl-Ukrajna, u stieden lill-fidili kollha, f’dan ix-xahar iddedikat lill Omm Alla, biex kuljum jitolbu Rużarju għall-paċi. Huwa qal li l-ħsibijiet tiegħu “mmorru immedjatament lejn il-belt ta’ Mariupol, ‘Belt ta’ Marija’”, li sfat “ibbumbardjata u meqruda b’mod barbaru”. Huwa ġedded l-appell tiegħu biex jiġu stabbiliti “kurituri umanitarji sikuri” għan-nies maqbuda fil-fabrika tal-ħadid f’din il-belt.
“Nbati u nibki, naħseb fit-tbatija tal-poplu Ukren u b’mod partikolari tal-aktar dgħajfa, l-anzjani u t-tfal. Saħansitra hemm rapporti terribbli ta’ tfal li ġew imkeċċija u deportati”.
Il-Papa għaqqad it-tħassib tiegħu lejn in-nies imnikkta, u staqsa b’leħen għoli jekk verament qegħdin infittxu l-paċi issa hekk kif nassistu għal “rigressjoni makabra tal-umanità”. Staqsa jekk verament hemmx rieda li tkun evitata eskalazzjoni militari u verbali, u jekk hux qed isir dak kollu possibbli biex “jissiktu l-armi”.
Il-Qdusija Tiegħu appella biex ma nċedux għal-loġika tal-vjolenza u l-ispirali perversa tal-armi. “Ejjew naqbdu t-triq tal-paċi u djalogu! Ejjew nitolbu”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-grieves-for-suffering-in-ukraine-appeals-for-prayers.html