Il-Papa Franġisku: “Iskopru mill-ġdid il-valur tal-ħajja tal-familja”

Print Friendly, PDF & Email

Matul dawn l-aħħar jiem, saret s-Sessjoni Plenarja tal-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi Soċjali fil-Vatikan, bit-tema: “Il-familja bħala ġid relazzjonali: L-isfida tal-imħabba”.

Il-Ġimgħa, waqt li sellem lill-parteċipanti, l-Papa Franġisku mar fil-qalba ta’ din it-tema, u ffoka l-attenzjoni tiegħu fuq iż-żwieġ u l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-familji llum. Huwa nnota li “l-bidliet soċjali qed ibiddlu l-kundizzjonijiet tal-għajxien taż-żwieġ u tal-familji madwar id-dinja kollha,” u li “kriżijiet fit-tul u li qed jirduppjaw” qed ipoġġu pressjoni fuq il-ħajja tal-familja. L-antidotu għal dan hu li “niskopru mill-ġdid il-valur tal-familja bħala sors u l-oriġini tal-ordni soċjali, bħala ċ-ċellula vitali ta’ soċjetà fraterna li kapaċi tieħu ħsieb id-dar komuni”.

Il-Papa Franġisku saħaq li minkejja l-ħafna bidliet li għaddew iż-żwieġ u l-familja matul is-sekli, hemm “karatteristiċi komuni u permanenti” li jiżvelaw il-kobor u l-valur tat-tnejn. Iżda, wissa, “jekk dan il-valur jiġi mgħix b’mod individwalistiku u privat, kif inhu parzjalment il-każ fil-Punent, il-familja tista’ ssir iżolata u frammentata fil-kuntest tas-soċjetà.”

Il-Qdusija Tiegħu kompla jgħid li huwa mportanti li wieħed jifhem li “l-familja hija mportanti għas-soċjetà, mhux sempliċi numru ta’ individwi, imma hija relazzjoni msejsa fuq ‘rabta ta’ perfezzjoni reċiproka’”. Il-ġid tal-familja, qal il-Papa, “jikkonsisti fil-qsim ta’ relazzjonijiet ta’ mħabba fidila, fiduċja, kooperazzjoni, u reċiproċità”, li jġib il-ferħ tagħhom.

Il-Papa enfasizza li “l-ħsieb soċjali tal-Knisja jgħin biex nifhmu din l-imħabba relazzjonali xierqa għall-familja, kif fittxet li tagħmel l-Eżortazzjoni Appostolika ‘Amoris Lætitia’, wara t-tradizzjoni kbira, iżda b’dik it-tradizzjoni, tagħmel pass ‘il quddiem”. Saħaq ukoll li l-familja “hi post ta’ merħba”, u żied jgħid li l-kwalitajiet tagħha huma “partikolarment evidenti f’familji fejn hemm membri fraġli jew b’diżabilità”. Dawn il-familji, qal, “jiżviluppaw virtujiet speċjali, li jsaħħu l-kapaċità għall-imħabba u s-sabar quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja”. Huwa indika wkoll familji “li jiġġeneraw benefiċċju għas-soċjetà inġenerali, li tinkludi familji li jaddottaw, kif ukoll familji li jkunu ‘foster parents’. Huwa nnota li l-familja “hija l-antidotu ewlieni għall-faqar”.

Fl-indirizz tiegħu, l-Papa Franġisku saħaq li jeħtieġ li jiġu promossi politika soċjali, ekonomika u kulturali favur il-familja fil-pajjiżi kollha, li jagħmluha possibbli li tiġi armonizzata l-ħajja tal-familja.

Waqt li reġa’ dawwar l-attenzjoni tiegħu fuq it-tema tal- “iskoperta mill-ġdid” tas-sbuħija tal-ħajja tal-familja; l-Papa qal li hemm ċerti kundizzjonijiet.

L-ewwel kundizzjoni, “hija li neħħu minn għajnejn il-moħħ il-“katarretti” ta’ ideoloġija li jwaqqfuna milli naraw ir-realtà”.

“It-Tieni kundizzjoni hija l-iskoperta mill-ġdid tal-korrispondenza bejn iż-żwieġ naturali u ż-żwieġ sagramentali”.

“Fl-aħħar, filwaqt li spjega t-tielet kundizzjoni, huwa ħa mill-Eżortazzjoni Appostolika Tiegħu, ‘Amoris Lætitia’, li tfakkar l-għarfien li l-grazzja tas-sagrament taż-Żwieġ – li huwa s-sagrament ‘soċjali’ per eċċellenza – tfejjaq u tgħolli s-soċjetà umana kollha u hija ħmira ta’ fraternità”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-04/pope-francis-rediscover-the-value-of-family-life.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: