Ġwanni Pawlu II f’Onitsha, Nigeria

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU
FIN-NIGERIA, BENIN, GABON U GUINEA EQUATORJALI
QUDDIESA GĦALL-FAMILJI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Onitsha (Nigeria), 13 ta’ Frar 1982

Familji nsara tan-Niġerja!

Ma’ Pawlu Appostlu jiena ngħidilkom: “Intom il-poplu magħżul ta’ Alla, il-qaddisin tiegħu; huwa jħobbkom u intom għandkom tilbsu mill-ġdid b’sentimenti ta’ ħniena, ta’ tjubija, ta’ umiltà, ta’ manswetudni, ta’Sabar, billi tgħinu lil xulxin u billi taħfru b’mod reċiproku” (Kol 3,12).

B’dan il-kliem insellmilkom miżżewġin irġiel u nisa, missirijiet, ommijiet u wlied. Insellmilkom, familji Niġerjani u permezz tagħkom insellem il-passat, il-preżent u l-futur tal-poplu tan-Niġerja.

Il-Papa jiġi llum għandkom, fl-isem ta’ Kristu li talab għal Pietru, sabiex hekk,  imsaħħaħ fil-fidi tiegħu, ikun jistà jsaħħaħ lil ħutu. Niġi għandkom f’isem l-Iben ta’ Alla li sar bniedem u għammar fostna, fil-qalb tal-familja umana. Ġesù huwa qrib il-ferħ u t-tbatijiet tal-ħajja tal-familja. Jifhem it-tamiet u d-delużjoniojiet tal-familja u jaqsam il-ġrajjiet li jakkumpanjaw l-istorja ta’ kull familja.

F’din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika nixtieq niġbor flimkien hekk bħalma kienu, l-imħabba, l-għaqda, il-ħniena, il-maħfra, is-sabar, it-tamiet u l-aspirazzjonijiet, ix-xogħol, it-tbatijiet u d-dispjaċiri tal-familji kollha tan-Niġerja b’mod li nkun nistà noffrihom bħala sagrifiċċju spiritwali lil Missierna ċelesti, permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu u f’għaqda mas-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib. Nixtieq nitlob magħkom u għalikom, biex nuri lil Ġesù li nemmnu fil-qawwa tal-imħabba fil-qerda tal-ħażin u fit-twarrib tiegħu minn qlubna. Xtaqt niġi fostkom biex ninkuraġġikom ħalli twettqu t-tagħlim ta’ San Pawl li “tqiegħdu fuq kollox il-karità”, sabiex il-paċi ta’ Kristu tkun tistà ssaltan fi qlubkom (cf. Kol 3,14-15).

1. Ħuti, il-familji tagħkom għandhom tant valuri pożittivi u ta’ min ifaħħarhom, ibbażati fuq it-tradizzjonijiet familjari tagħkom. Għandkom irbit tal-familji qawwi. L-ulied huma meqjusa bħala barka, u huma mixtieqa bħala koronazzjoni taż-żwieġ. Is-sistema tal-familja patrijarkali tipprovdi ambjent ta’ mħabba umana għall-kura tal-orfni, tal-anzjani u tal-foqra.

B’danakollu hemm ukoll xi dellijiet. Bi tradizzjoni il-kultura tagħkom ma teskludix il-poligamija, ukoll jekk bosta żwiġijiet kienu u huma monogami. Kultant in-nisa kienu privati minn diversi drittijiet tagħhom. U l-għedewwa moderni tal-familja, id-degradazzjoni disturbanti ta’ diversi valuri fundamentali – divorzju, kontraċezzjoni u abort – ma ħafruhiex linqas lil pajjiżkom.

L-appell u l-istedina tiegħi lilkom, familji nsara tan-Niġerja, huwa l-istess appell u l-istess stedina li għamilt lill-familji nsara kollha tad-dinja fl-eżortazzjoni apostolika riċenti tiegħi Familiaris Consortio: “Familja, sir dak li int”.

2. Il-familja ġejja minn Alla. Huwa l-Ħallieq li ppredispona l-patt tal-imħabba ta’ raġel u ta’ mara. Huwa bierek imħabbithom u għamlu sors ta’ għajnuna reċiproka. Irrendih fertili, u stabilixxa l-permanenza tiegħu sal-mewt. Fil-pjan tal-Ħallieq, il-familja hija komunità ta’ persuni. Mela l-forma fundamentali tal-ħajja tal-imħabba fil-familja tinsab fir-rispett ta’ kull persuna, ta’ kull membru ndividwali tal-familja. Il-miżżewġin jistmaw u jitrattaw lil xulxin bl-ikbar rispett. Ġenituri, irrispettaw il-personalità unika ta’ wliedkom. Ulied, agħtu lill-ġenituri tagħkom rispett ubbidjenti. Il-membri kollha tal-familja għandhom iħossu ruħhom aċċettati u rrispettati għaliex għandhom iħossuhom maħbubin. B’mod partikulari l-anzjani u l-morda.

Ir-rispett fis-sinifikat profond tiegħu ifisser fedeltà. Rispett ifisser aċcettazzjoni reċiproka, fiduċja u għaqda, sabar u maħfra meta jkun hemm bżonn, ‘il hemm u minkejja d-diffikultajiet personali li ma jistgħu jiġġustifikaw qatt in-nuqqas ta’ mħabba. Irġiel u nisa miżżewġa, ħobbu lil xulxin b’mod reċiproku; issagrifikaw lilkom infuskom għal xulxin u għal uliedkom. Irreżistu għat-tentazzjonijiet kollha li tittradixxu lil xulxin.

3. Meta nqisu li l-imħabba tar-raġel u tal-mara miżżewġin hija komparteċipazzjoni unika fil-ħajja ta’ Alla nnifsu, din għandha tkun ġenwinament u ġenerożament miftuħa għal ħajja ġdida. Għandha tkun miftuħa għal dawk kollha li ħajjithom ġiet imnaqqsa jew mhedda minn bżonnijiet ta’ kwalunkwè tip.

Familji nsara tan-Niġerja ħallu li l-eżempju tagħkom jidfdi quddiem id-dinja kollha: sostnu d-dritt għall-ħajja. Taċċettawx mentalità kuntrarja għall-ħajja, b’għeruqha “fil-korruzzjoni tal-idea u tal-esperjenza tal-libertà, ikkonċeputa mhux bħala ħila li twettaq il-verità tal-proġett ta’ Alla għaż-żwieg u l-familja, imma bħala qawwa awtonoma ta’ affermazzjoni, spiss kontra l-oħrajn, għall-ġid egoistiku propju” (Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, 6).

Tirrendu servizz kbir lil pajjiżkom, lill-Knisja u lill-umanità kollha, jekk tfittxu bi kwalunkwè mod possibbli li tissalvagwardjaw l-imħabba lejn it-tarbija, li tagħmel parti mill-kultura tagħkom u mit-tradizzjonijiet tagħkom għall-familja.

Ħobbu lil uliedkom bħama Marija u Ġużeppi ħabbew, ipproteġew u edukaw lil Ġesù.
Naf li f’pajjiżkom koppja mingħajr tfal trid iġġarrab salib kbir, li jrid ikun ittollerat b’kuraġġ tul il-ħajja kollha. Lill-miżżewġin li ma jistgħux ikollhom tfal propju ngħid: m’intomx imwarrba minn Alla; imħabbitkom reċiproka hija sħiħa u fertili mela hija miftuħa għall-oħrajn, għall-bżonnijiet tal-apostolat, għall-bżonnijiet tal-foqra, għall-bżonnijiet tal-orfni, għall-bżonnijiet tad-dinja.

4. U jekk issa nistaqsu lill-familja Niġerjana: Liema hu l-kontribut speċifiku għal pajjiżkom? Allura ngħidilkom mill-ġdid: “Siru dak li intom”, iċ-ċellula ewlenija u vitali tas-soċjetà.

Infatti mill-familja jitwieldu ċ-ċittadini, fil-familja huma jsibu l-ewwel skola ta’ dawk il-virtujiet soċjali, li huma r-ruħ tal-ħajja u tal-iżvilupp tas-doċjetà nfisha (Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, 42). Hija l-familja li tneħħi lil kull raġel u mara mill-anonimat u tirrendihom konxji tad-dinjità personali tagħhom, billi tagħnihom b’esperjenzi umani profondi u billi tallokahom b’mod attiv fl-uniċità tagħhom, fit-tessut tas-soċjetà.

Ħuti, jekk tħobbu lil pajjiżkom, tħobbu wkoll ħajjitkom tal-familja. Jekk tridu tevitaw li jkollkom soċjetà li tissogra li ssir dejjem iktar spersonalizzata u standardizzata u għalhekk ukoll inumana u diżumanizzanti, allura saħħu l-istrutturi tagħkom tal-ħajja tal-familja. Irrispettawha.

U intom, żgħażagħ ħejju ruħkom għaż-żwieġ bit-talb, bl-awtodixxiplina, ir-rispett reċiproku u l-kastità. Għaliex id-din sħiħ u ġenwin tagħkom infuskom jistà biss iseħħ fl-imħabba konjugali indissolubli.

5. Familji nsara tan-Niġerja! Id-dinjità u r-responsabiltà tagħkom bħala dixxipli ta’ Ġesù tiġi mill-fatt li intom imsejħin biex tkunu qaddisin u biex tgħinu lil xulxin fil-komunità u lid-dinja biex issiru qaddisin.  Ejjew nisimgħu mill-ġdid kliem San Pawl mit-tieni qari: il-messaġġ ta’ Kristu, fl-għana kollha tiegħu, ikunilkom familjari. Għallmu lil xulxin bil-għaqal kollu.

Siru qaddisin permezz tad-doni tal-Mulej, doni ta’ fidi, tama u karità, permezz tat-talb personali u familjari, permezz ta’ fiduċja maħbuba f’Missierkom ċelesti, permezz ta’ ħajja ta’ grazzja mitmugħa u sostnuta bis-sagramenti.

Siru qaddisin billi tieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja fil-komunitajiet tagħkom, fil-parroċċi tagħkom, fid-dijoċesijiet tagħkom, b’rispett u mħabba għas-saċerdoti u l-Isqfijiert tagħkom.

Siru qaddisin fis-srrvizz tal-imħabba, imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu tagħkom, b’mod speċjali tal-familji tagħkom.

Siru qaddisin u għinu biex tirrendi ruħha qaddisa l-ħajja tal-komunità soċjali u nazzjonali tagħkom.

Jiena nbierek u niżżi ħajr lil dawk kollha li jaħdmu għall-promozzjoni tal-familja, b’mod speċjali l-Isqfijiet u s-saċerdoti tagħkom li jiċċelebraw il-misteri sagri, li jgħallmu, ibierku, jagħtu parir, jikkunslaw u jirrikonċiljaw. Jiena niżżi ħajr lill-katekisti u lil dawk kollha li jaħdmu fl-apostolat lajk. U b’mod speċjali lir-reliġjużi rġiel u nisa li huma xhieda ħajja tal-valuri evanġeliċi veri.

Jiena kuntent li nagħraf ix-xogħol eċċellenti li sar mill-Assoċjazzjoni għall-Ħajja fin-Niġerja, favur paternità responsabbli, bi qbil mat-tagħlim tal-Knisja.Hadt gost ukoll bl-għarfien tal-arrikkiment tal-programmi tagħkom għall-ħajja matrimonjali. Alla jbierek dawn l-inizjattivi.

Jiena nbierek il-familji kollha li jitolbu flimkien. Familji nsara tan-Niġerja, il-Papa jitlobkom li żżommu ħaj it-talb fil-familja, it-talb ta’ kuljum fil-familja: ir-raġel u martu, il-ġenituri ma’ wliedhom. Kunu devoti b’mod speċjali tar-Rużarju mqaddes. Itolbu lil Marija, Omm Kristu u Omm il-Knisja, l-omm tal-familji nsara. Il-Mulej ma jonqosx li jbierek il-familji li jitolbu flimkien, f’isem Ibnu, Sidna Ġesù Kristu.

6. Ħuti, jiena konvint li l-laqgħa tagħna hawn, illum, tkun immarkata minn effużjoni friska tal-Ispirtu tal-Mulej fuq il-Knisja tan-Niġerja. Jien ninsab hawn f’nofskom biex nobdi l-amar ta’ Ġesù: “Morru, iffurmaw dixxipli tan-nazzjonijiet kollha u għammduhom fl-Isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu”.

Minn hawn u ftit ieħor, jiena se ngħammed u nagħti l-griżma lil ghrupp ta’ katekumeni li jirrapreżentaw d-diversi dijoċesijiet tan-Niġerja. Iż-żerriegħa miżrugħa f’din l-art permezz tax-xandir fidil tal-Knisja tal-Bxara t-Tajba tat il-frott. Permezz ta’ Ġesù Kristu, li fih għandna il-fidwa permezz ta’ demmu, aħna għandna membri ġodda f’ġismu, il-Knisja.

Dawn ħutna rġiel u nisa jridu issa jkunu ppurifikati bl-ilma bil-qawwa tal-Kelma ħajja (cf. Ef 5,26) li se jirrendihom parteċipi mill-istess ħajja ta’ Alla (cf. 2Pt 1,4) u wliedu addottivi (cf. Rm 8,15; Gal 4,5).

Huma u aħna lkoll flimkien se nagħmlu l-professjoni tal-fidi tal-Knisja fil-qawwa tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej.

Fil-Magħmudija aħna mhux biss indfinna ma’ Kristu; aħna wkoll qomna għall-ħajja miegħu, għaliex aħna nemmnu fil-qawwa tal-Mulej li qajmitu mill-mewt (cf. Kol 2,12).

Fil-griżma dawn ħutna se jkunu mqawwija biex isiru membri attivi tal-Knisja u biex jibnu l-Ġisem ta’ Kristu fil-fidi u fl-imħabba.

Huma se jkunu mmarkati bid-doni tal-Ispirtu Santu għas-servizz tal-Knisja fl-imħabba.

Ħuti, dawn ir-riti sagri tal-inizjazzjoni nisranija, Magħmudija, Griżma, sagrifiċċju Ewkaristiku, ifakkruna li aħna xhieda ta’ Kristu. Jalla huwa jħeġġeg qlubna għal imħabba dejjem ikbar.

Jiena nitlob lilu, Alla tal-ħajja, għall-familji kollha tan-Niġerja: għal dsawk li jisforzaw biex jgħixu x-cxhieda tal-fidi, għal dawk il-familji li ma jaqsmux magħna l-istess fidi imma jirrispettaw l-ikbar ideali tal-ħajja familjari, għall-familji mifrudin, għal dawk li jinsabu f’diffikultà, għar-romol u għall-orfni.

Il-Familja Maqaddsa ta’ Nażżaret, Ġesù, Marija u Ġużeppi, tbierek il-familji kollha tan-Niġerja.

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: