Ma ġġibx ħlief barka

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 6 ta’ Mejju 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Ġimgħa tat-tielet ġimgħa tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum”. Dan hu l-kliem li qal Ġesù lil-Lhud fl-Evanġelju skont San Ġwann. Kliem ċar u dirett. Il-Lhud fehmu li qed jgħid xi ħaġa kbira, imma ma setgħux jifhmu eżattament x’qed jgħid; għalhekk tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”

Għal din id-domanda tagħhom, Ġesù jirrepeti, darba darbtejn, bi kliem diffferenti, u jerġa’ jgħid l-istess ħaġa. U nafu li fil-Kapitlu 6 skont San Ġwann jenfasizza ħafna dan: li hemm bżonn li aħna nieħdu sehem minn dan il-ħobż ħaj li huwa hu. Hawn isemmi tliet affarijiet importanti. Jgħid: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi, jibqa’ fija u jiena fih”. U jgħid: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem” – għandu issa l-ħajja ta’ dejjem – “u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum”.  

Nafu li l-ewwel Insara fehmu li hawnhekk Ġesù qed jgħid għall-Ewkaristija, u fehmu l-importanza tal-Ewkaristija għal kull min irid jimxi wara Ġesù. Anke llum, l-Ewkaristija hi dik li tgħaqqadna ħaġa waħda miegħu, hu fina u aħna fih; hi dik li lilna tagħtina l-ħajja ta’ dejjem li tibda minn issa; u tagħtina wkoll garanzija li Ġesù jqajjimna mill-imwiet fl-aħħar jum.

Il-quddiesa trasmessa fuq it-televixin qatt mhi sostitut għall-quddiesa fil-knisja

Għalhekk aħna nafu kemm hu importanti li nieħdu sehem fl-Ewkaristija. F’dawn l-aħħar ġimgħat, smajna diversi drabi fuq it-televixin stess l-istedina ‘ejja lura f’darek għall-quddies’, għax kull min minna b’xi mod jew ieħor irid jimxi wara Ġesù, u għandu l-possibbiltà, u hu b’saħħtu, u jista’ jiġi l-knisja, għandu jiġi l-knisja. Speċjalment nhar ta’ Ħadd, Jum il-Mulej, meta ninġabru flimkien bħala ġemgħa, nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, nieħdu sehem fl-Ewkaristija – kif qed jgħid Ġesù hawn – u ninbnew bħala l-komunità ta’ dawk li nemmnu fi Kristu. Għalhekk għandna niftakru dejjem kemm hu importanti li nieħdu sehem fl-Ewkaristija. Il-quddiesa f’Jum il-Mulej, nhar ta’ Ħadd, ma nfalluhiex; u anke dejjem hemm il-possibbiltà li nieħdu sehem ukoll matul il-ġimgħa fil-quddiesa fil-knisja. Hi okkażjoni tassew sabiħa biex insiru dejjem aktar ħaġa waħda ma’ Ġesù, u nieħdu sehem f’din il-ħajja tiegħu.

Naturalment, din mhijiex għal kulħadd possibbli. Nafu kemm serviet ta’ ġid, matul dawn is-sentejn u fuqhom, il-quddiesa trasmessa fuq it-televixin u anke fuq is-social media, u kemm għadha sservi ta’ ġid. Għax hawn min hu anzjan u ma jistax joħroġ mid-dar jew mid-dar tal-anzjani, hawn min hu marid u qiegħed l-isptar jew id-dar; hawn min għandu xi kundizzjoni u ma jistax joħroġ; insemmi wkoll dawk li qed isegwu mill-isptarijiet, anke dawk li qegħdin għall-kura barra minn Malta, bħal Londra u jsegwu din il-quddiesa; kif ukoll dawk li qegħdin f’pajjiżi iktar ’il bogħod bħall-Awstralja, u pajjiżi differenti fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, u f’pajjiżi mbiegħda. Kultant ma kellhomx, u forsi anke llum qegħdin f’kundizzjoni li ma għandhomx, l-opportunità li jmorru l-knisja, u għalhekk isegwu l-quddiesa u hi għajnuna kbira għall-ħajja tagħhom.

Meta ninġabru flimkien bħala ġemgħa, nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, nieħdu sehem fl-Ewkaristija – ninbnew bħala l-komunità ta’ dawk li nemmnu fi Kristu

Il-quddiesa trasmessa fuq it-televixin qatt mhi sostitut għall-quddiesa fil-knisja – jiġifieri, bħal meta tgħid: illum nagħżel li noqgħod hawn flok immur. Mhix sostitut, imma hi għajnuna kbira għal dawk li ma jistgħux jiġu, u tgħinhom tassew biex jitolbu, jieħdu sehem, jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, u biex jingħaqdu dejjem aktar mal-Mulej li jrid jasal għandhom b’kull mezz. Għalhekk, nixtieq ħafna li meta niftakru f’dal-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju skont San Ġwann, dal-kliem ċar fuq l-Ewkaristija u l-importanza tagħha, meta nħarsu lejn il-quddiesa trasmessa fuq it-televixin jew il-media soċjali, din għandha tfakkar lil dawk li jistgħu u li qegħdin f’pożizzjoni għax huma b’saħħithom, li għandhom jiġu l-knisja biex jieħdu sehem fl-Ewkaristija; u għandha tgħin lil dawk li ma jistgħux biex huma wkoll jipparteċipaw b’dan il-mod, jirċievu l-għajnuna permezz tal-Kelma ta’ Alla, permezz tat-talb, għax il-quddiesa ma tagħtix ħlief barka lilna lkoll.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: