Il-Papa Franġisku reġa’ sejjaħ lill-mexxejja tad-dinja, għal sforzi biex iħaddnu kultura ta’ djaloġu u jsiru protagonisti tal-paċi u mhux tal-gwerra. Dan l-appell għamlu fit-talba tar-Regina Coeli, wara l-Quddiesa ta’ Kanonizzazzjoni ta’ għaxar qaddisin ġodda. Għal din il-Quddiesa kien hemm ‘l fuq minn 50,000 ruħ minn madwar id-dinja kif ukoll delegazzjonijiet ta’ diversi ġvernijiet.
Wara li rringrazzja lid-delegazzjonijiet uffiċjali preżenti fil-Pjazza, l-Papa enfasizza x-xhieda prezzjuża tas-sitt irġiel u erba’ nisa elevati għall-qdusija.
“Tajjeb li naraw li, permezz tax-xhieda evanġelika tagħhom, dawn il-Qaddisin kienu ta’ fejda għat-tkabbir spiritwali u soċjali tan-nazzjonijiet rispettivi tagħhom, kif ukoll tal-familja umana kollha kemm hi”.
Il-Qdusija Tiegħu juri sogħba tiegħu minħabba l-ħafna gwerer li qed jolqtu d-dinja llum, huwa appella lill-mexxejja biex jieħdu r-responsabbiltà. “Sfortunatament fid-dinja qed jikbru d-distanzi u jiżdiedu t-tensjonijiet u l-gwerer,” qal il-Papa, filwaqt li esprima t-tama li l-qaddisin il-ġodda jistgħu “jispiraw soluzzjonijiet ta’ għaqda, u toroq ta’ djalogu”.
Il-Papa wara din it-talba Marjana, tela’ abbord jeep bajda mikxufa, u għadda minn ġol Pjazza San Pietru jsellem lill-fidili miġbura, kif ukoll bierek it-trabi, qabel ma buffura tar-riħ tajritlu z-zucchetto minn fuq rasu!
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-appeal-peace-regina-coeli-saints-canonization-ukraine.html