Papa: “Djalogu speċjalment ma’ min ma jaqbilx miegħek”

Print Friendly, PDF & Email

Il-Fraternità Politika Chemin-Neuf tlaqqa’ żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-35 sena, minn pajjiżi u kulturi politiċi differenti, għandhom l-istess passjoni li jaħdmu għall-ġid komuni u għall-fqar, u ħerqana li jaġixxu fil-politka skont il-qalb ta’ Alla.

It-Tnejn 16 ta’ Mejju, l-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ membri ta’ din il-fraternità u offra riflessjoni dwar it-tifsira ġenwina tal-politika għall-insara. “Il-programm tal-politika fis-sens Nisrani hija: akkoljenza (laqgħa), riflessjoni u azzjoni”.

L-ewwel u qabel kollox, il-Papa qal, li l-politika hija arti li wieħed ‘Jilqa’’. L-Qdusija Tiegħu stqarr li ‘tilqa’’ jifisser, li tkun miftuħ għall-oħrajn u li taċċetta d-differenzi tal-pari l-oħra, bħala parti minn djalogu ta’ rispett. L-Papa żied li għall-insara, hemm aktar. L-Evanġelju, spjega l-Papa, jitlob li nħobb lill-għedewwa tagħna u dan ifisser li aħna “msejħin naraw il-laqgħat politiċi bħala laqgħat fraterni, speċjalment ma’ nies li ma jaqblux magħna”. Hija attitudni, kompla, li teħtieġ li nbiddlu l-mod kif inħarsu lejn l-oħrajn, nuru aċċettazzjonu u rispett.

“Mingħajr tali bidla fil-qalb, il-politika ħafna drabi tirriskja li tinbidel f’konfront vjolenti, fejn in-nies jippruvaw jimponu l-ideat tagħhom u jsegwu interessi partikolari fuq il-ġid komuni, kuntrarju għall-prinċipju li “l-għaqda tirbaħ fuq il-kunflitt” (cf. Evangelii Gaudium, 226-230).

Riflessjoni kondiviża, qal il-Papa Franġisku, hija ugwalment importanti mil-lat Nisrani, peress li rridu nagħrfu li l-politika trid issegwi l-ġid komuni, “mhux sempliċiment permezz tal-konfront ta’ interessi differenti u spiss opposti”. “Il-boxxla tagħna stess għall-avvanz ta’ dan il-proġett komuni huwa l-Evanġelju, li jagħti lid-dinja viżjoni profondament pożittiva tal-umanità, kif hi maħbuba minn Alla.”

Waqt li rrifletta fuq il-punt finali, dak ta’ ‘Azzjoni’, l-Papa qal li jinsab kuntent li jara li l-Fraternità Politika “mhijiex sodisfatta li tkun sempliċiment forum ta’ diskussjoni u skambju,” iżda hija diretta wkoll lejn forom konkretti ta’ impenn. “Bħala Nsara, rridu nkunu dejjem realistiċi, naffrontaw l-ideat tagħna mar-realtà iebsa, biex ma nibnux fuq ir-ramel li llum jew għada jispiċċa jinbidel.”

Il-Papa fakkar il-ħidma li tagħmel il-komunità f’isem l-immigranti u l-ekoloġija u semma l-apprezzament tiegħu għall-fatt li wħud mill-membri tagħha għażlu li jgħixu flimkien fi kwartieri tal-klassi tal-ħaddiema ta’ Pariġi, “sabiex jisimgħu l-vuċi tal-fqir: dak huwa mod nisrani ta’ kif wieħed jidħol fil-ħajja politika!”

L-Qdusija Tiegħu temm r-riflessjoni billi tenna l-appell tiegħu li l-għaqda għandha dejjem tirbaħ fuq il-kunflitt. Il-Papa stieden lil dawk preżenti biex jimxu fi triqithom “jimitaw lil Ġesù Kristu” u “jisimgħu b’attenzjoni lill-Ispirtu s-Santu”, sabiex il-politika tkun tista’ tiġi pprattikata bħala “l-ogħla forma ta’ karità”, kif definit mill-Papa Piju XI.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-audience-chemin-neuf-community-political-fraternity.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: