L-Iskola St Michael – l-Għaxqa ta’ San Ġorġ Preca

Print Friendly, PDF & Email

L-Iskola St Michael, skola mmexxija mis-Soċjetà tal-Museum, f’Novembru li għadda għalqet 75 sena mit-twaqqif tagħha. Għal din l-okkażjoni, Pubblikazzjonijiet Preca ħarġu ktieb riċerkat minn Robert Aloisio bl-isem L-Iskola St Michael – L-Għaxqa ta’ San Ġorġ Preca, ktieb b’ħafna informazzjoni ġdida li l-awtur irnexxielu jsib u li għandu jsib postu fil-librerija ta’ kull min għandu għal qalbu l-edukazzjoni u lil San Ġorġ Preca għax din l-iskola kienet tassew l-għaxqa ta’ Dun Ġorġ u dal-ktieb jurina għalfejn.

Ilbieraħ il-ktieb ġie ppreżentat mill-Assistent Superjur Ġenerali Oliver Aquilina, li hu wkoll id-Direttur ta’ Pubblikazzjonijiet Preca u ex għalliem tal-Iskola. Il-Kap tal-Iskola Raymond D’Amato ippreżentah lis-Superjur Ġenerali tal-MUSEUM Roberto Zammit u lil Fr Charles Mallia, Delegat tal-Arċisqof għall-Edukazzjoni Kattolika. Id-diskors ewlieni sar minn Dr George Borg.

Għada l-Ġimgħa 20 ta’ Mejju l-ktieb se jitnieda għall-pubbliku fl-iskola stess fis-7:30pm. Il-pubbliku mistieden jattendi għada u s-Sibt 21 ta’ Mejju jiġi l-iskola mis-7pm ’il quddiem fejn ikun jista’ jixtri l-ktieb, idur mal-iskola u jsegwi l-kummiedja mtellgħa mill-istudenti Is-Sultan u l-Kaptan miktuba minn Trevor Zahra, b’direzzjoni ta’ Clive Piscopo.

Il-ktieb jinkiseb minn Librerija Preca. Għal iktar tagħrif ċempel 21222626. Mill-Ġimgħa 20 ta’ Mejju il-ktieb jista’ jinkiseb ukoll mill-iskola, li tinsab fi Triq il-Kanun Sta Venera, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7:30am u s-1pm.


Artiklu minn Robert Aloisio

Is-Sur Agius

Kelli għaxar snin meta smajt l-ewwel darba bl-Iskola St Michael ‘tal-Mużew’. Nhar ta’ Ħadd, is-Superjur tiegħi tal-MUSUEM spiss kien jeħodna nilagħbu l-ballun fuq il-ground tal-konkrit ta’ dik l-iskola f’Santa Venera li mid-dehra tagħha ta’ barra xejn ma kienet tiġbdek. Lanqas grada barra ma kellha dak iż-żmien.

Jieħu ħsieb l-Iskola kien hemm raġel anzjan bil-qalziet imtella’ sa fuq żaqqu li jien u sħabi konna naħsbuh il-watchman. Meta konna nkunu nilagħbu ġieli kien jistedinna nidħlu fl-iskola naraw film black and white fuq skrin kbir. Darba niftakar konna rajna film antik ta’ Don Bosco. Is-Superjur tiegħi, Victor Delicata, kien ħabib sew ta’ dar-raġel li hu kien isejjaħlu ‘is-Sur Agius’. Dan  Agius ma kien ħadd ħlief is-surmast tal-iskola, anzi kien il-moħħ wara l-Iskola St Michael li bdieha hu flimkien ma’ oħrajn 40 sena qabel.

“L-Għaxqa ta’ qalbi”

Ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, Toni Agius (1907-1989) kien ħalla x-xogħol sigur li kellu fit-Tarzna biex jiftaħ skola ġdida. Hu u tliet soċji oħra tal-MUSUEM, apprentisti fit-Tarzna, issagrifikaw kollox biex jidħlu għal avventura sabiħa li bħal kull ħaġa ġdida oħra triqitha ma kinitx nieqsa mix-xewk. Bħall-fundatur tal-MUSEUM, Agius sab min ma fehmux u oħrajn kellhom il-biżgħat raġonevoli tagħhom. Imma San Ġorġ Preca bierek b’idejh it-tnejn lil Agius u l-opra ġdida li Alla kien se jibda permezz tiegħu. Iktar tard Dun Ġorġ sejjaħ lill-Iskola St Michael “l-għaxqa ta’ qalbi” u kienet l-hena tiegħu jżur l-Iskola, jitkellem mal-istudenti u l-għalliema u jqaddsilhom.

Fl-1996, l-Iskola St Michael għalqet 50 sena mill-ftuħ tagħha, u fl-istess sena jiena spiċċajt il-kors universitarju tiegħi. Ftit tas-snin qabel, billi kelli s-superjur il-ġdid u l-prefett it-tnejn li huma għalliema f’St Michael, kont tħajjart nidħol l-Iskola bħala student fit-tielet sena sekondarja imma dan ma kellux ikun. Iżda kif spiċċajt mill-università kont determinat li nidħol l-Iskola din id-darba bħala għalliem. U did-darba hekk kellu jkun.

Skola speċjali

Bħal ħafna qabli u warajja li daqu l-Iskola, f’St Michael sibt ambjent ta’ familja li tilqgħek. Skola li tat lili u lil ħafna oħrajn il-possibbiltà li nħaddem it-talenti tiegħi f’servizz lejn l-oħrajn, speċjalment lejn l-istudenti. Minn dakinhar ’l hawn għaddew 25 sena u ma jiddispjaċini xejn mill-għażla li għamilt kwart ta’ seklu ilu. Eluf ta’ studenti u għexieren ta’ għalliema għaddew huma wkoll mill-Iskola St Michael. Għalija u għal bosta oħrajn din kienet esperjenza li mmarkatilna ħajjitna. U mmarkathielna b’mod mill-aktar pożittiv.

Toni Agius kien isejjaħ lill-Iskola St Michael ‘special school’ għax ma riedx sempliċiment jagħmel skola oħra. Dak iż-żmien f’Malta diġà kien hawn numru mhux ħażin ta’ skejjel u kulleġġi. Imma Agius kien ra kemm żgħażagħ kienu qegħdin jitħarbtu fuq il-postijiet tax-xogħol bl-eżempji ħżiena li jaraw, u kemm l-iskejjel ma kinux qed jagħmlu biżżejjed biex jikkumbattu dan it-taħsir. U quddiem dan kollu ma setax jibqa’ b’idejh fuq żaqqu. L-ispirtu altruwista u missjunarju li kien nissel fih San Ġorġ Preca bħala soċju tal-MUSEUM ma setax iħallih indifferenti.

Frott is-sagrifiċċju

F’messaġġ li l-Arċisqof Charles Scicluna bagħatli għall-ktieb, qal: “Bħala saċerdot żagħżugħ jiena kelli l-opportunità nqaddes l-Ewkaristija mal-istudenti tal-Iskola St Michael. Għalija kienet esperjenza sabiħa li niltaqa’ ma’ diversi studenti u għalliema f’ambjent fejn kont nista’ ninnota li l-edukazzjoni hi wkoll formazzjoni ta’ valuri qawwija Nsara.”

“L-Iskola St Michael hi monument għad-dedikazzjoni tal-membri tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, imma hi wkoll frott is-sagrifiċċji ta’ ħafna ġenituri, familji u lajċi ddedikati. Matul iż-żmien stajt nara l-iżvilupp feliċi tal-iskola: minn ambjent modest għal ambjent iżjed modern u addattat għall-esiġenzi tal-lum.”

“Nawgura li l-Iskola St Michael tkompli tagħti servizz lil pajjiżna fil-qasam tal-edukazzjoni u tnissel fl-istudenti u l-għalliema, il-persważjoni tal-kliem li tant kien iħobb jirrepeti San Ġorġ Preca: ‘It-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid’.”

Kontribut lis-soċjetà Maltija

Is-Sur Raymond D’Amato, li ilu iktar minn 30 sena Kap tal-Iskola, kiteb hekk fid-daħla tal-ktieb: “Minn qalbi nirringrazzja lis-Sur Robert Aloisio, għalliem tagħna u awtur ta’ dan il-ktieb voluminuż, mhux biss għar-riċerka bir-reqqa li għamel biex jagħtina l-istorja tal-iskola għażiża tagħna, imma wkoll għall-impenn tiegħu biex jagħtina l-viżjoni, l-imħabba u d-dedikazzjoni tal-ħidma tal-membri tal-istaff tal-iskola tagħna tul dawn is-snin kollha.

Inti li ġie f’idejk dan il-ktieb, filwaqt li taqrah, apprezza l-kontribut li tat l-iskola lis-soċjetà Maltija anki fi żminijiet diffiċli. Jekk inti wieħed jew waħda minn dawk li f’dawn il-75 sena kellek ix-xorti li tkun parti mill-Iskola tagħna, aqsam mal-oħrajn dak li rċevejt. Nawgura futur sabiħ lill-Iskola St Michael biex fi kliem San Ġorġ Preca, din “titla’ bil-barka tiegħek u joħroġ ġid spiritwali u temporali, u kull min jidħol fiha jkun oġġett tal-ħniena tiegħek.”

Żviluppi kbar fl-Iskola

Fl-1977, l-Iskola St Michael fehmet li r-realtà ta’ pajjiżna kienet inbidlet qatigħ. Hekk, St Michael ma baqgħetx skola teknika kif kienet fl-ewwel 30 sena tagħha u bdiet tipprepara lill-istudenti għall-eżamijiet fil-livell ordinarju. Dan ġab bidliet kbar u fit-30 sena ta’ wara nbnew żewġ sulari oħra, laboratorji ġodda u gymnasium kbir biex hekk l-iskola setgħet iddaħħal iktar studenti u twessa’ l-għażla tas-suġġetti li toffri.

Illum, l-Iskola St Michael timpjega 80 ħaddiem u taqdi 370 student ta’ bejn il-11 u s-16-il sena. Ispirata mill-Evanġelju, il-komunità tal-iskola tagħna taħdem biex tnissel f’kull student viżjoni ta’ tama permezz ta’ mudell edukattiv mibni fuq l-umiltà u l-manswetudni, iż-żewġ kolonni li fuqhom il-fundatur waqqaf is-soċjetà tiegħu.

Edukazzjoni fil-Virtù

Toni Agius u s-Superjur Carmelo Callus riedu li l-Iskola bħall-oqsma tal-MUSEUM tkun “forġa li fiha jinħaraq id-dnub”. Mhux ta’ b’xejn li l-Iskola semmewha għal San Mikiel, l-arkanġlu li skont l-Iskrittura waddab lix-xitan fl-infern. L-Iskola St Michael kienet u għadha għadu kbir tad-dnub u mgħallma tal-virtù kif xtaqha San Ġorġ Preca 75 sena ilu. Nitolbu li dan il-qaddis ibierek lill-ħaddiema u lill-istudenti tal-bieraħ, tal-lum u ta’ għada, u lill-familji tagħhom biex jikbru fil-virtù u hekk jgħixu ħajja tassew umana.

Dan il-ktieb ridt niktbu biex meta jiġu nieqsa dawk li jiftakru sew lis-Sur Toni Agius jibqgħalna memorja storika tal-ġrajjiet li wasslu għat-twaqqif tal-Iskola St Michael u tal-ispirtu li anima lill-għalliema tal-bidu. Ktibtu biex ma ninsewx minn fejn tlaqna ħalli jkun ċar fejn irridu naslu. Skola mhijiex intrapriża biex tagħmel il-flus imma familja oħra għat-tfal u ż-żgħażagħ fejn jiġu ffurmati fil-valuri tas-sewwa. Hekk riedha Agius u hekk riedha San Ġorġ Preca.

Nirringrazzja lil kull min ikkopera miegħi biex stajt inwassal fit-tmiem dan il-proġett. Għalkemm ippruvajt nintervista firxa wiesgħa ta’ persuni li b’mod jew ieħor ġew f’kuntatt mal-Iskola, niskuża ruħi ma’ oħrajn li stajt ħallejt barra. Kull min, għal żmien twil jew qasir, ta kontribut lill-Iskola għandu mertu quddiem Alla li mhux se nżidulu jew innaqqasulu bil-kitba tiegħi. Jalla dal-ktieb iservi biex niskopru mill-ġdid il-valuri li sawru lil ta’ qabilna, fuq kollox l-impenn tagħhom biex jagħmlu l-ġid lil għajrhom u b’hekk jagħtu glorja lil Alla.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: