L-inċident seħħ hekk kif it-tebut ta’ Shireen Abu Aqleh kien qed jiġi ttrasportat mill-Isptar San Ġużepp għall-Knisja Katidrali Griega-Melkita. Stqarrija maħruġa komuni, ll-Knejjes fl-Art Imqaddsa kkundanaw l-attitudni tal-pulizija Iżraeljana, li daħlet l-isptar, “li ma rrispettawx il-memorja tal-mejta u waslu biex ir-reffiegħa kienu kważi ser iwaqqgħu t-tebut”.
Il-kundanna ssegwi dik diġa’ espressa mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, wara l-aħbar tal-mewt tal-ġurnalista, li kienet taħdem għan-netwerk televiżiv Al Jazeera. Shireen Abu Aqleh intlaqtet f’rasha waqt operazzjoni mill-forsi tas-sigurtà Iżraeljana fil-belt ta’ Jenin, fix-Xatt tal-Punent. Guterres appella għal investigazzjoni indipendenti biex jiġu ċċarati l-fatti ta’ dak li ġara.
L-istqarrija maħruġa mill-Knejjes fl-Art Imqaddsa tgħid: “L-invażjoni tal-Puluzija Iżraeljana u l-użu sproporzjonat tal-forza, li attakkaw lil dawk li kienu qed jibku t-telfa tal-ġurnalista, jagħtuhom bil-lembuba, jużaw il-gas tad-dmugħ, jisparaw l-balal tal-gomma, kif ukoll ibeżżgħu lill-pazjenti tal-isptar, huwa ksur serju tan-normi u r-regolamenti internazzjonali, inkluż id-dritt fundamentali tal-bniedem tal-libertà reliġjuża, li għandu jiġi osservat ukoll fi spazju pubbliku.”
“L-isptar San Ġużepp minn dejjem kien post li jilqa’ u ta’ fejqan għal kulħadd, irrispettivament mill-appartenenza reliġjuża jew kulturali tal-persuna, u beħsiebu jibqa’ jkun hekk”, tgħid l-istqarrija. Il-mexxejja tal-Knejjes Insara jikkonkludu: “Dak li ġara nhar il-Ġimgħa li għadda weġġa’ profondament mhux biss lill-komunità Nisranija, lis-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni, li jieħdu ħsieb l-Isptar; lill-ħaddiema kollha tal-isptar; kif ukoll lill-popli kollha li f’dak il-post sabu u għadhom isibu l-paċi u l-ospitalità. Is-sorijiet u l-istaff tal-isptar San Ġużepp se jżommu l-impenn tagħhom li l-isptar jibqa’ jkun post ta’ fejqan. L-episodju traġiku tal-Ġimgħa li għadda jagħmel dan l-impenn aktar b’saħħtu minn qatt qabel.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2022-05/churches-holy-land-condemn-violence-funeral-of-slain-journalist.html