Mill-15 sal 20 ta’ Mejju, qed issir il-5 Konferenza Globali dwar l-Eliminazzjoni tax-Xogħol tat-Tfal. Din is-sena qed issir f’Durban, l-Afrika t’Isfel. Għal din l-okkażjoni, l-Papa Franġisku bagħat ittra indirizzata lis-Sur Guy Rider, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol. Fil-messaġġ tiegħu, l-Papa estenda l-awgurju u t-talb tiegħu lill-parteċipanti.
L-għan ta’ din il-konferenza hija li tqajjem kuxjenza dwar it-tħaddim tat-tfal u li taċċellera l-isforzi biex jieqaf darba għal dejjem dan it-tħaddim. Skont in-Nazzjonijiet Uniti, bħalissa hawn madwar 160 miljun tifel u tifla – kważi wieħed minn kull għaxra minn madwar id-dinja – li qed jiġu sfurzati jaħdmu.
Il-Papa Franġisku nnota li minkejja l-progress sinjifikanti li sar fl-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal mis-soċjetà, t-traġedja marret għall-agħar bl-impatt tal-kriżi globali tas-saħħa u t-tixrid tal-faqar estrem f’ħafna partijiet tad-dinja “fejn in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol diċenti għall-adulti u l-adolexxenti, l-migrazzjoni, u l-emerġenzi umanitarji, qed jikkundannaw miljuni ta’ tfajliet u ġuvintur żgħażagħ għal ħajja ta’ faqar ekonomiku u kulturali”.
L-Qdusija Tiegħu lmenta, li iktar minn hekk, “wisq idejn żgħar huma mpenjati biex jaħartu l-għelieqi, jaħdmu fil-minjieri, jivvjaġġaw distanzi twal biex jiġbru l-ilma u jagħmlu xogħol li ma jħallihomx jattendi l-iskola”, filwaqt li jaħseb ukoll fil-vittmi tal-prostituzzjoni tat-tfal li “miljuni ta’ tfal insterqilhom il-ferħ tat-tfulija u tad-dinjità tagħhom mogħtija minn Alla”.
Filwaqt li indika l-faqar bħala l-fattur ewlieni li qed jesponi lit-tfal għall-isfruttament tax-xogħol, l-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-parteċipanti biex jaħsbu dwar “il-kawżi strutturali tal-faqar globali u l-inugwaljanza skandaluża li għadha teżisti fost il-membri tal-familja umana”. Huwa esprima fiduċja li l-konferenza se twassal għal aktar għarfien min-naħa tal-partijiet soċjali u l-korpi rilevanti – kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali – biex jaħdmu biex jinstabu “modi xierqa u effettivi ta’ protezzjoni tad-dinjità u d-drittijiet tat-tfal, speċjalment permezz tal-promozzjoni ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali u aċċess għall-edukazzjoni min-naħa ta’ kulħadd”.
Il-Papa Franġisku kompla jenfasizza t-tħassib b’mod partikolari tal-Knisja dwar il-kwistjoni tat-tħaddim tat-tfal, filwaqt li nnot lit-tagħlim soċjali jenfasizza li l-iżgurar tal-preżent u l-futur tat-tfal jiżgura wkoll il-preżent u l-futur tal-familja umana kollha. L-Qdusija Tiegħu, żied jgħid, “il-mod kif qed nirrelataw mat-tfal, il-punt sa fejn nirrispettaw id-dinjità umana u d-drittijiet fundamentali tagħhom, jesprimi x’tip ta’ adulti aħna u fejn irridu nkunu, u x’tip ta’ soċjetà rridu nibnu”.
L-Papa tenna l-impenn tas-Santa Sede li taħdem biex tiżgura li l-komunità internazzjonali tippersevera fl-isforzi tagħha biex tiġġieled l-isfruttament tax-xogħol tat-tfal b’mod riżolut, konġunt u deċiżiv, “biex it-tfal ikunu jistgħu jgawdu s-sbuħija ta’ dan l-istadju tal-ħajja, filwaqt li jikkultivaw ukoll il-ħolm għal futur sabiħ”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-francis-conference-elimination-child-labour-5th-durban.html