Il-Papa jitlob għall-vittmi tat-temp estrem li qed jaħkem l-Istati Uniti u l-Kanada.

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku qal li tnikket meta sar jaf bit-telfa traġika ta’ ħajjiet u l-qerda kkawżata mit-tornado li laqtet lill-komunità Gaylord fl-aħħar jiem. It-tornado qatel żewġ persuni, weġġa’ aktar minn 40 oħra, u qatgħa partijiet tal-komunità tat-Tramuntana ta’ Michigan; fejn il-kundizzjonijiet tat-temp estrem bħal dawn huma rari.  

F’telegramma indirizzata lill-Isqof J. Walsh ta’ Gaylord, belt ta’ madwar 4,200 ruħ, fil-Punent ta’ Detroit, fl-Istat Amerikan ta’ Michigan, il-Papa esprima s-solidarjetà mill-qalb ma’ dawk kollha milquta minn dan id-diżastru naturali.

Fil-messaġġ iffirmat f’ismu mill-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Papa qal li “joffri wkoll l-assigurazzjoni ta’ talb tiegħu għall-mejtin, għall-midruba u l-persuni li kellhom iħallu darhom, kif ukoll lil dawk impenjati biex jagħtu l-għajnuna,” u invoka l-barka ta’ Alla, ta’ saħħa u paċi fuq dawk kollha milquta.

F’telegramma separata indirizzata lill-Isqof Raymond Poisson, President tal-Konferenza Episkopali Kanadiża, l-Papa qal li ġie infurmat bil-maltempati riċenti li laqtu x-Xlokk tal-Kanada li rriżultaw f’telf ta’ ħajjiet u qerda mifruxa. Waqt li offra t-talb tiegħu “għal dawk kollha li qed isofru l-effetti ta’ din id-diżgrazzja”, l-Papa qal, li “jafda l-erwieħ tal-mejtin, fil-ħniena u l-imħabba ta’ Alla li jista’ kollox u jassigura lill-midruba u lil dawk li huma mnikkta, li huwa qiegħed qrib tagħhom spiritwalment”.

Il-Papa Franġisku temm billi invoka barkiet ta’ saħħa u konsolazzjoni fuq ħutu l-isqfijiet fiż-żoni milquta u fuq l-awtoritajiet ċivili, ħalli jkomplu jagħtu l-għajnuna meħtieġa.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-telegram-tornado-condolences.html

%d