Alla kien u jibqa’ fiċ-ċentru

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 25 ta’ Mejju 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-fil-100 anniversarju mill-mewt ta’ Karmni Grima. Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Kif jisbaħ filgħodu, kienu jgħidu t-talba ta’ filgħodu, xi drabi kienu jibdew bir-rużarju. Imbagħad imorru l-knisja jisimgħu l-quddiesa. Iddoqqu t-tmienja u kulħadd kien jieqaf, u jitolbu t-talba tat-tmienja. Imbagħad jasal nofsinhar, u l-istess, it-talba ta’ nofsinhar. Qabel jiekol, kulħadd kien irodd salib u jgħidu talba ta’ qabel l-ikel. Imbagħad mal-għasar, hi u nieżla x-xemx, terġa’ tinstema’ l-qanpiena, u jerġa’ jsir it-talb lill-Madonna. Filgħaxija wara l-ġurnata ta’ xogħol kulħadd jinġabar flimkien, u anki jekk wara ġlieda, anki jekk wara ħafna għajat, anki wara qtigħ ta’ qalb, kulħadd kien jinġabar jitlob ir-rużarju. Qabel l-irqad kulħadd kien jgħid it-tliet Avemarijiet lill-Madonna.

Dik kienet il-ħajja ta’ missirijietna sa ftit snin ilu. Nirritornaw għaliha? Kienet aħjar minn tal-lum? Naħseb mhux dan l-iskop, imma l-iskop forsi huwa ieħor: forsi biex nagħrfu kemm il-ħajja ta’ missirijietna kienet magħġuna mal-fidi. Bis-sempliċità tal-ħajja ta’ snin ilu, Alla kien fin-nofs, kien importanti, kien fiċ-ċentru, tant li l-ħajja kienet iddur miegħu.

Imma Alla m’għadux importanti? M’għadux fin-nofs? M’għadux fiċ-ċentru? U żgur li għadu, u żgur li hu importanti, u żgur li kollox idur miegħu, u żgur li aħna qegħdin fih bħal ħuta fl-ilma! Bħalma l-ħuta ma tindunax li qiegħda fl-ilma sakemm dan ma jiġix nieqes, hekk lanqas aħna ma nindunaw li qegħdin fih. Jista’ jkun, imma, li aħna m’għadniex inġibuh fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna.

Jekk tgħallimna xi ħaġa Karmni Grima llum, hi proprju din: sempliċi tislima lill-kappella, sempliċi ħarsa lejn dawn in-naħat, li bidlet l-istorja mhux biss tagħha, imma wkoll l-istorja ta’ Għawdex. Sempliċi ħarsa! Il-fidi ma tikkonsistix fi ħwejjeġ kbar, imma tikkonsisti f’dawn l-għemejjel żgħar, li kollha kemm aħna li qegħdin hawn ġewwa kapaċi nagħmluhom.

Ma baqgħalniex ħin, forsi ma baqgħalniex moħħ. Għax forsi kif qal Ġesù lil Marta (Lq 10:38-42), u kif qal Ġesù fil-parabbola taż-żerriegħ (Mt 13), tant aħna mħabbtin bil-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, li m’għandniex ċans, m’għandniex spazju, ma baqgħalniex wisa’. Forsi tant ngħixu kkonċentrati, iggerjati fuq dak li jgħaddi, li ser ngħaddu aħna wkoll u malajr, mingħajr ma nindunaw.

Din il-mara fis-sempliċità tal-fidi tagħha tgħaddilna dan il-messaġġ qawwi llum: Alla hu fin-nofs, Alla hu fiċ-ċentru tal-eżistenza. Bħal snin ilu, xorta waħda mingħajru ma ngħaddux; jew jekk ngħaddu, ma ngħaddux sew. Mhux l-aħjar mod li tgħix meta twarrab lil Alla. Ilkoll kemm aħna għandna prova ta’ dan. M’għandniex għalfejn noqogħdu nargumentaw jew infittxu provi, għax kollha kemm aħna nafu x’jiġrilu l-bniedem, x’jiġrilha soċjetà meta titlaq lil Alla, meta ma tħallihx fiċ-ċentru tal-attenzjoni.

Din hi t-talba tiegħi llejla lil Alla permezz ta’ din il-mara: mara sempliċi, antenata tagħna; mara li xi ftit jew wisq tiġbor fiha l-ġenerazzjonijiet kollha ta’ qabilha u ta’ warajha – l-Għawdxin u l-Maltin; mara li kellha x-xorti tgħaddi minn dawn l-inħawi, u b’ħarsa sempliċi tikkomunika ma’ Alla, tħalli lil Alla jikkomunika magħha. Din il-ġrajja kienet hekk ċentrali fl-istorja ta’ pajjiżna.

Il-Mulej jagħtina, lil kull wieħed u kull waħda minna, li niskopru – kulħadd kif jista’, kulħadd bil-mod tiegħu, kulħadd bl-istat tiegħu – is-sempliċità tal-fidi tagħna.

Leave a Reply

%d bloggers like this: