Nhar l-Erbgħa, żewġ qassisin li qed iservu fid-Djoċesi Kattolika ta’ Sokoto, fit-Tramuntana tan-Niġerja, inħatfu wara li rġiel armati u mhux identifikati attakkaw ir-residenza tagħhom. Skont rapporti tal-midja, dawn l-irġiel armati daħlu fil-Knisja Kattolika ta’ San Patrizju, fl-istat ta’ Katsina fis-sigħat bikrin tal-25 ta’ Mejju, u ħatfu lil Fr Stephen Ojapa u saċerdoti ieħor, Fr Oliver Okpara, u żewġ subien li mhumiex identifikati.
Fi stqarrija, Fr Chris Omotosho, d-direttur tal-komunikazzjoni soċjali għad-Djoċesi ta’ Sokoto, kkonferma l-inċident, u ħeġġeġ lill-fidili biex jitolbu għar-ritorn sigur tagħhom. L-istqarrija tgħid: “bħal nofs-il-lejl tal-lum, 25 ta’ Mejju 2022, irġiel armati daħlu fid-dar tal-Knisja Kattolika ta’ San Patrizju, Gidan Maikambo, Żona tal-Gvern Lokali tal-Kafur tal-Istat ta’ Katsina”. “Il-Kappillan Fr Stephen Ojapa, u l-viċi tiegħu Fr Oliver Okpara u 2 subien oħra kienu fid-dar meta ġew maħtufa”. L-istqarrija nnotat li m’hemm l-ebda informazzjoni dwar fejn jinsabu l-erba’ persuni maqbuda waqt ir-rejd. Fr Omotosho talab biex jitolbu għas-sigurtà u l-ħelsien tagħhom.
Dan l-aħħar ħtif huwa l-aħħar minn sensiela ta’ ħtif u attakki li jimmiraw lejn istituzzjonijiet tal-Knisja, qassisin u rġiel u nisa reliġjużi. Aktar kmieni dan ix-xahar, l-Arċidjoċesi ta’ Kaduna, ħabbret il-mewt ta’ Fr Joseph Aketeh Bako, li miet waqt li kien miżmum, wara li f’Marzu kien inħataf minn irġiel armati mir-residenza tiegħu fil-Knisja Kattolika ta’ San Ġwann, Kudenda, fejn kien iservi bħala kappillan.
F’dawn l-aħħar snin, in-Niġerja, speċjalment ir-reġjun tat-Tramunatana, ilha tiffaċċja sfidi ta’ sigurtà, b’mod speċjali minħabba l-attivitajiet tal-grupp estremista Iżlamiku Boko Haram, kif ukoll ġlied bejn ir-rgħajja nomadi u l-bdiewa indiġeni tal-lokal.
Aktar reċentement, irġiel armati mhux identifikati, ħafna drabi msejħa briganti, kienu ta’ tħassib għall-awtoritajiet Niġerjani u l-operaturi tas-sigurtà. Dawn il-briganti, kienu responsabbli minn diversi ħtif, qtil u rejds fuq irħula rurali.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2022-05/nigeria-priests-kidnap-violence-katsina-kaduna-catholic-church.html