“Il-promozzjoni u l-apporfondiment tad-djalogu Lhudi-Kristjan kienet xi ħaġa għal qalbi sa minn meta kont tifel żgħir”, qal il-Papa Franġisku t-Tnejn filgħodu, “għax fl-iskola kelli sħabi tal-klassi, li kienu Lhud; huwa djalogu magħmul minn laqgħa u ġesti konkreti ta’ fraternità”.
Il-Papa indirizza r-rimarki tiegħu lid-delegazzjoni minn B’nai B’rith International, organizzazzjoni ta’ servizz Lhudija impenjata li tappoġġja l-Lhud madwar id-dinja u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem.
Il-Papa Franġisku enfasizza l-impenn tal-organizzazzjoni għal kawżi umanitarji, u qal li “n-nies għandhom dritt li jirċievu għajnuna u solidarjetà mill-komunità akbar,” inkluż speċjalment id-dritt għat-tama.
“Li ngħinu lill-batuti, lill-foqra, lill-morda… huwa l-aktar mod konkret biex tiġi promossa fraternità umana akbar”.
Fl-istess ħin, wissa dwar it-theddida għall-paċi dinjija “b’forom ta’ partikolariżmu u nazzjonaliżmu, mmexxija minn interessi egoistiċi u regħba bla rażan,” li trid tiġi miġġielda bit-tifkira: “tifkira tal-imgħoddi, tifkira tal-gwerer, is-Shoah u bl’għadd ta’ atroċitajiet oħra”.
Il-Qdusija Tiegħu kkuntrasta t-tifkira mal-“gideb u l-indifferenza” li takkumpanja kull vjolenza, murija fl-istorja tal-qtil ta’ Abel minn Kajjin. Iffaċċjat bil-vjolenza u l-indifferenza, l-Papa qal, “il-paġni tal-Iskrittura juruna wiċċ ħutna”. Il-mistoqsija t’Alla lil Kajjin, “Fejn hu ħuk?” ifakkarna li “ma nistgħux inkunu sħaħ aħna nfusna, mingħajr ma noqgħodu attenti għal ħutna”.
“Tajjeb li ngħinu lil xulxin, għax f’kull wieħed minna, f’kull tradizzjoni reliġjuża u f’kull soċjetà umana, dejjem hemm ir-riskju li nkunu nistgħu nżommu t-tgergir u nrawmu t-tilwim kontra ħaddieħor, u xi drabi nagħmlu hekk fl-isem ta’ prinċipju assoluti u anke qaddisa”.
L-‘istrateġija’ tas-sema, min-naħa l-oħra, hija “li jitkisser iċ-ċiklu tal-vjolenza, l-mibegħda, u li nibdew nipproteġu lil xulxin”. Il-Papa Franġisku esprima t-tama tiegħu li l-membri tal-B’nai B’rith ikomplu bil-ħidma tagħhom biex jipproteġu lil dawk l-aktar vulnerabbli u traskurati, u qal li din hija xi ħaġa li l-Lhud u l-Insara jistgħu jagħmlu flimkien: “Nistgħu naħdmu għall-foqra, għall-paċi u għall-ġustizzja, u għall-ħarsien tal-ħolqien”. “Ejjew nistinkaw ‘il quddiem,” qal il-Papa fi tmiem id-diskors tiegħu, “abbażi tal-valuri spiritwali komuni tagħna, biex niddefendu d-dinjità umana kontra kull vjolenza, u nfittxu l-paċi.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-to-b-nai-b-rith-promote-fraternity-by-helping-the-lowly.html