Il-Papa Franġisku: “Irrid inżur l-Ukrajna, imma fil-mument it-tajjeb”.  

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku tenna li jixtieq iżur il-kapitali Ukrena ta’ Kiev, iżda qed jistenna ż-żmien it-tajjeb. Il-Papa esprima din ix-xewqa nhar is-Sibt 4 ta’ Ġunju, lit-tifel Ukren li kien wieħed minn madwar 160 tifel u tifla ta’ diversi twemmin mill-periferija tal-ibliet Taljani. L-grupp iltaqa’ mal-Papa bħala parti minn inizjattiva msejħa “Tren tat-Tfal”. Xi wħud mit-tfal kienu refuġjati.

L-inizjattiva tifforma parti mill-programm “il-Bitħa tal-Ġentili”, tal-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura tal-Vatikan, b’kollaborazzjoni mal-ferroviji tal-istat Taljan, u tipikament tinkludi tfal li m’humiex biss Kattoliċi, iżda wkoll Musulmani, Buddisti, Ortodossi. Atei u oħrajn.

Fil-laqgħa li kellu mat-tfal, il-Qdusija Tiegħu wieġeb għad-diversi mistoqsijiet tagħhom, aktar milli wassal test ippreparat. Sachar, tifel Ukren, li telaq bħala refuġjat u ġie milqugħ f’Ruma, qal: “M’għandix mistoqsija imma pjuttost talba: tista’ tiġi l-Ukrajna biex issalva lit-tfal kollha li qegħdin ibatu hemmhekk issa?”

Il-Papa Franġisku qal lil Sichar, “Naħseb ħafna dwar it-tfal Ukreni”, u għal din ir-raġuni, nnota, “bgħatt xi Kardinali biex ngħinu hemmhekk u nkun qrib in-nies kollha, iżda fuq kollox, it-tfal”.

“Nixtieq inżur l-Ukrajna. Iżda, rrid nistenna ż-żmien opportun biex nagħmel dan, għax mhux faċli li tieħu deċiżjoni li tista’ tagħmel aktar ħsara lid-dinja kollha milli ġid. Ikolli nfittex iż-żmien it-tajjeb biex nagħmel dan. Din il-ġimgħa ser niltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-gvern ukren, li ġejjin biex nitkellmu dwar żjara possibbli tiegħi hemmhekk. Ejjew naraw x’se jiġri”.

Il-Papa ġie mistoqsi, kif tkun li tkun Papa. L-Papa Franġisku wieġeb billi qal, “l-importanti, li f’kull professjoni li tpoġġik fiha l-ħajja, hu li ma tieqafx tkun dak li int”.

Tifel ieħor staqsih: “tgħejja tkun Papa?” L-Qdusija Tiegħu wieġbu: “Alla jagħti s-saħħa biex iġorr l-isforzi tiegħu” u rridu nwettquha “b’onestà, sinċerità u ħidma”.

Waqt il-mistoqsijiet, il-Papa saħaq kemm hu essenzjali li niftakru li Alla jinsab magħna, u li nħossuna protetti mill-Mulej li jgħinna. “L-agħar ħaġa”, wissa l-Papa, “huwa meta ma rridux inħossu lill-Mulej viċin”, u minflok nagħżlu d-distanza. “S-sigriet hu: li nħoss lill-Mulej viċin,” qal. “U dan jakkumpanjak tul ħajtek”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-francis-i-wish-to-go-to-kyiv-but-at-right-moment-ukraine.html

%d bloggers like this: