Il-Papa lil CHARIS: “L-Ispirtu s-Santu jibdel il-ħajjiet u jġib il-paċi”.  

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, fil-Vġili ta’ Pentekoste, l-Papa Franġisku bagħat messaġġ għall-Velja Ekumenika ta’ Pentekoste organizzata mis-Servizz Internazzjonali tat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku (CHARIS), permezz tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promizzjoni tal-Għaqda tal-Insara. L-Velja tal-2022, organizzata minn CHARIS ġiet trażmessa onlajn l-ewwel mill-Burkino Faso, imbagħad l-Awstralja, u fl-aħħar fil-Libanu. L-messaġġ awdjo-viżiv tal-Papa kien imxandar waqt il-velja.

Il-Qdusija Tiegħu beda l-messaġġ tiegħu billi fakkar meta Ġesù qal lill-Appostli Tiegħu, “meta l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqkom… intom tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, u fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sal-aħħar tad-dinja.” L-Papa rrifletta dwar kif nistgħu nirrelataw mal-apprensjoni u l-biża’ tal-Appostli, u żied li aħna wkoll jeħtieġ li negħlbu dik il-biża’.

“Bħal-lum, dakinhar filgħaxija, dawk l-irġiel u n-nisa li kien imbeżgħin, magħluqin fil-kamra ta’ fuq ta’ Ġerusalemm – għax kienu jafu li kienu ser jiġu ppersegwitati – esperjenzaw il-preżenza qawwija tal-Ispirtu s-Santu, li biddel ħajjithom darba għal dejjem”.

“Ħajjithom, inbidlet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu”, sostna l-Papa, “u biddlet l-istorja”. F’dan il-lejl, anke jekk nistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu, l-Papa qal, Huwa diġa qiegħed hawn magħna. “Kien diġà hemm fil-mument tal-Ħolqien u fina lkoll, permezz tal-Magħmudija li rċevejna”. F’kull Pentekosta, qal, irridu niftakru u nesperjenzaw il-preżenza kontinwa Tiegħu fina, f’ħajjitna, u fil-komunitajiet tagħna.

Il-Papa Franġisku lmenta lid-dinja hija kkaratterizzata mill-mard, u l-pandemija tal-Covid-19, li ħasdet miljuni ta’ ħajjiet minn madwar id-dinja, u ġabet magħha uġigħ, tbatija u iżolament.

“F’ħafna partijiet tad-dinja, l-ġuħ jippersisti u popli sħaħ huma sfurzati fl-eżilju. U l-gwerra: gwerra bejn l-aħwa, gwerra fost l-insara, bħal fil-każ ta’ dan iż-żmien, tal-invażjoni tal-Ukrajna. Eżempji oħra ta’ din il-gwerra madwar id-dinja huma s-sitwazzjoni fil-Jemen, l-martirju tal-poplu Rohingya, u s-sitwazzjoni partikolari tal-Libanu, fost oħrajn… gwerra!”

Minkejja l-biża’ u d-disprament, il-Qdusija Tiegħu feraħ li “llejla tqum il-preżenza mdawwla tal-Ispirtu s-Santu, li jagħtina l-qawwa, l-kuraġġ u d-determinazzjoni biex naħdmu bla heda għall-paċi li Hu biss jista’ jagħti”.

Il-Papa qal li l-paċi trid tibda “fil-familji, fir-relazzjonijiet interpersonali u interrazzjali, fir-relazzjonijiet bejn l-insara u ma’ membri ta’ reliġjonijiet oħra. L-Paċi tibda bl-imħabba għall-għedewwa, għal min ma jaħsibiex bħali…” “Ma nistgħux niskbu dan weħidna”, qal il-Papa, iżda “bl-Ispirtu s-Santu nistgħu”. Anke jekk il-mibegħda donnha ħakmet id-dinja issa, osserva l-Papa, qal li l-qawwa tal-imħabba mogħtija lilna minn Alla hija ferm akbar.

F’dan il-Pentekoste, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, qal il-Papa, rridu nitolbu l-grazzja li naħfru lil xulxin u nimxu ‘l quddiem flimkien. “Hekk tibda l-paċi: ftit ftit, wieħed u wieħed”. Waqt li sejjaħ għal kultura ta’ paċi, l-Qdusija Tiegħu qal, “l-Kapijiet tal-Istat għandhom jaħdmu għall-paċi, jekk le, se jkunu ġġudikati mill-istorja”.

Fl-azzjonijiet tagħna ta’ kuljum, qal is-Suċċessur ta’ Pietru, kull wieħed minna jrid ixerred l-imħabba u jegħleb il-mibegħda, u din ngħallmuha “lill-uliedna u n-neputijiet tagħna”, biex b’hekk, “tinbidel id-dinja”. L-Papa Franġisku temm billi talab biex l-insara kollha jkunu jistgħu “jirċievu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u jagħtu xhieda”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-francis-charis-ecumenical-vigil-pentecost-video-message.html

%d bloggers like this: