Abdul u Fatima

Print Friendly, PDF & Email

L-iċken fost dawn ħuti

 Edward Tagliaferro

Abdul u Fatima kienu koppja miżżewġin u kellhom tifel ta’ ħames snin jismu Ali.   Kienu jgħixu s-Sudan.  Abdul kien jaħdem bħala ners fl-ispeċi ta’ sptar li kien hemm fir-raħal tagħhom. Dan kienu bnewh xi sorijiet li ġabu l-għajnuna minn benefatturi fl-Ewropa, fosthom Malta. Kien għal qalbu ħafna u bil-paga li kellu seta’ jgħix hu u l-familja tiegħu b’mod diċenti. 

Għodwa waħda wasal id-dar bil-geddum.  Fatima  mill-ewwel indunat b’dan u saqsietu x’kien ġara.  “Għadni kif smajt li r-ribelli waslu sa 50 kilometru ‘l bogħod minn hawn. Qed jisirqu kemm jifilħu u, min jipprova jiqfilhom, jisparawlu u jaħarqulu d-dar. Se nkollna nagħmlu kif għamel il-kuġin tiegħek: biegħ kulma seta’, sarr kollox, qabad il-familja, u rħiela lejn it-tramuntana, bit-tama li jsib xi dgħajsa teħodhom lejn l-Ewropa.”

Ġimgħatejn wara Abdul, Fatima u Ali sabu ruħhom fuq dgħajsa, flimkien ma’ mitejn rifuġjati oħra Afrikani,  jaqsmu l-baħar Mediterran. Biex għamlu dan, kellhom jagħtu lil sid id-dgħajsa kulma kienu ġemmgħu u kulma kellhom, ħlief il-ħwejjeġ ta’ fuqhom. Il-vjaġġ kien perikoluż ħafna. Kulma kellhom kien ftit ikel u ilma li ma kienx biżżejjed għal kulħadd.  Kien hemm min marad, u mara tqila mill-Kenya kienet madura ħafna.

B’xorti tajba lemħithom dgħajsa tal-forzi armati Taljani. Din għabbiethom u ħadithom Lampedusa. Bi ftehim mal-pajjiżi tal-Ewropa, ir-rifuġjati ġew imqassmin skont il-lingwa tagħhom. Peress li Abdul u Fatima kienu jafu tajjeb bl-Ingliż, bagħtuhom l-Irlanda. Ġew assenjati biex jgħixu f’raħal żgħir fil-qalba tal-kampanja.

Abdul ma damx ma sab jaħdem bħala ners. Sab ukoll skola għal Ali. Xi tliet ġimgħat wara li ġew joqogħdu f’dan ir-raħal, Ali beda jiġi mill-iskola kuljum f’xi ħaġa f’idu.  Fatima kienet issaqsieh min tah dak il-ġugarell, jew dik il-borża ħelu, u hu kien iwieġeb: tifel fil-klassi tiegħi, jew waħda mara li kienet għaddejja fit-triq. Barra minn hekk,  Ali kien jgħid li t-tfal tal-iskola kollha kienu juruh kemm jixtiequ jilagħbu miegħu, u n-nies tat-triq, hu u ġej mill-iskola, kollha jidħqulu, jsellmulu u jsaqsuh għandux bżonn xi ħaġa.

Bil-mod il-mod,  Abdul u Fatima  bdew jindunaw li ħafna min-nies ta’ dan ir-raħal kienu Nsara u  li l-Ħadd kienu jmorru l-Knisa tagħhom. Darba,  qatgħuha li jmorru l-knisja huma wkoll flimkien ma’ Ali, avolja kienu Musulmani.   Wara ċ-ċerimonja, Abdul talab liċ-Ċelebrant biex ikellem lin-nies.  Dan tah permess.  “Nixtieq niżżikhom ħajr talli għintu lit-tifel tagħna Ali jintegra ruħu malajr f’dan l-ambjent ġdid li għalih kien  xi ftit jew wisq stramb. Nixtieq insaqsikom, għaliex għamiltu dan ma’ wieħed kompletament barrani għalikom?” Qabeż wieħed anzjan u qallu: “Għax Ġesu qalilna: ‘Kulma tagħmlu ma’ l-iċken fost dawn ħuti, tagħmluh miegħi.’  Mindu ġejtu hawn, Ali kien l-iċken membru tal-komunita tagħna.  Għalhekk ilqajnieh daqs li kieku ġie Ġesu jgħix fostna.  U nibqgħu nagħmlu hekk sakemm jiġi xi ħadd iżgħar minnu, jew titwieled xi tarbija.”

Naturalment, meta Ġesu qal “l-iċken” ma kienx qed jirreferi għad-daqs biss, imma għal kull min hu l-aħħar fis-soċjeta, kull min hu nieqes mill-imħabba, mogħdrija, wens, sabar, ikel, xorb jew għata. Jien qed nilqa’ xi barrani li ġie jgħix qribna qisu ġie Ġesu Kristu nnifsu, billi nwarrab minn moħħi xi beżgħat bla bażi u xi qlajjiet foloz li jaqilgħu fuqu xi Insara  ħuti? Insellimlu, nurih li għandna merħba bih, u nsaqsih ikollux bżonn xi ħaġa, hi x’inhi?

%d bloggers like this: