Emendi IVF: “It-tbatija ma teliminahiex billi telimina l-ħajjiet”

Print Friendly, PDF & Email

Il-Life Network Foundation li hija għaqda mhix governattiva favur il-ħajja qalet li t-tbatija ma teliminahiex billi telimina l-ħajjiet.

L-NGO qalet dan fuq Facebook b’ referenza għall-emendi fil-liġi tal-IVF li jinkludu t-test ġenetiku li jsir fuq l-embrijun. Dan wara li l-Parlament approva it-tielet qari tal-abbozz ta’ ligi dwar l-IVF b’66 voti favur u 3 voti kontra.

L-NGO qalet li hawn ħafna nies li qed jgħixu tbatija kbira u “aħna rridu nkunu hemm għalihom u magħhom”.

Dawn l-emendi fil-liġi kienu opposti minn numru kbir ta’ għaqdiet u persuni. Ilbieraħ Adrian Delia, Ivan Bartolo u Alex Borg ivvutaw kontra din l-emenda filwaqt li Carm Mifsud Bonnici kiteb fuq Facebook li hu pożittiv għall-Covid-19 u għalhekk ma setax imur jivvota kontra dawn l-emendi. Jerome Caruana Cilia li huwa wkoll kontra dawn l-emendi ddeċieda li ma jmurx il-Parlament ilbieraħ.

L-NGO staqsiet jekk l-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello, Fr Martin tad-Dar tal-Providenza, Profs Andrew Azzopardi, Profs Annemarie Callus mid-Dipartiment tal-istudji ta’ Dizabbiltà, Dr Jospehine Attard, il-Pediatrician, il-Profs Simon Attard Montaldo, Professor Maurine Cole, Dr. Roberta Sammut , l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma u 12-il għaqda ta’ persuni fosthom ġenituri ta’ persuni b’diżabbiltà li kollha tkellmu kontra t-test tal-PGT-M, humiex kollha bla qalb għax tkellmu kontra ta’ dawn l-emendi.

Bernard Grech u d-Deputati Nazzjonalisti l-oħra vvutaw favur dawn l-emendi u ħareġ jgħid li huma vvutaw favur il-ħajja. Madanakollu kien hemm baraxx ta’ kummenti tan-nies jgħidulu li huma mhux veru vvotuw favur il-ħajja.

“L-emendi tal-lum mhumiex favur il-ħajja” – Dun Anton Gouder lil Bernard Grech

Fost l-aktar prometenti kien hemm ta’ Dun Anton Gouder li qal lil Bernard Grech li għandu żball. Is-saċerdot saħaq li l-emendi tal-lum mhumiex favur il-ħajja u l-anqas huma biex mara li ma jistax ikollha tfal tkun tista’ toħroġ tqila. Dawk l-emendi kienu saru fl-2012 mill-Gvern Nazzjonalista.

“L-emendi tal-lum, li inti ivvutajt favurhom, huma biex ħajja umana li diġa teżisti (embrijun) ikun ittestjat u jekk jinstab li jkollu xi kundizzjoni jitqiegħed fil-friża għal dejjem, flok jitpoġġa fl-omm biex jitwieled” kompla jgħid Dun Anton.

Huwa saqsa jekk il-PN li jitkellem tant fuq opportunitajiet indaqs jekk dan l-embrijun qed jingħata l-opportunita’ daqs embrijuni oħrajn.

“Ħaj fil-friża għandu xi ħajja ta’ kwalita’? Din mhux diskriminazzjoni ċara li tagħżel min jitwieled u min joqgħod fil-friża? U jekk tista’ tiddiskrimina f’dan l-istadju, għaliex ma tistax tiddiskrimina fi stadju aktar tard?” saqsa Dun Anton.

Huwa qal li ma jistax jifhem la x’għamlu u l-anqas ir-raġuni wara dan li għamlu. Saħaq li dan jgħodd ukoll għall-Partit Laburista.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: