Il-Papa jitlob għall-vittmi tal-għargħar li laqat lill-Pakistan waqt l-Angelus f’Aquila

Print Friendly, PDF & Email

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika li saret il-Ħadd quddiem il-Bażilika ta’ Santa Marija f’Collemaggio, fl-Aquila, l-Papa Franġisku esprima r-ringrazzjament lil dawk kollha, inklużi l-awtoritajiet ċivil, voluntiera, forzi tal-infurzar tal-liġi u forzi tas-sigurtâ talli organizzaw din iż-żjara fil-belta Taljana. Huwa sellem lil dawk kollha li pparteċipaw f’dan l-avveniment mill-bogħod, sew mid-djar, mill-isptarijiet jew mill-ħabs.

Minkejja li din kienet Żjara Pastorali f’waħda mill-ibliet Taljani, l-Papa ħa l-ħin tiegħu biex jenfasizza l-qagħda mwiegħra ta’ għexieren ta’ eluf ta’ nies fil-Pakistan li ġew sfurzati jaħarbu minn djarhom minħabba l-għargħar qawwi, li qed jagħmel ħsara kbira fil-pajjiż.

Waqt l-Angelus, huwa sejjaħ din is-sitwazzjoni bħala “diżgrazzja kbira”.

“Irrid nassigura lill-poplu tal-Pakistan, milqut minn dan l-għargħar ta’ proporzjonijiet diżastrużi, mill-qrubija tiegħi. Nitlob għall-vittmi numerużi, għall-midruba u dawk li kienu mġiegħla jitilqu minn djarhom, u nitlob li s-solidarjetà internazzjonali tkun pronta u ġeneruża”.

Il-Pakistan appella għall-għajnuna internazzjonali hekk kif in-numra tal-imwiet fin-nazzjon tal-Asja t’Isfel qed ikompli jiżdied. L-Awtoritajiet Nazzjonali għall-Immaniġġjar tad-Diżastri qalet li mill-Ġunju ‘l fuq minn 1,000 ruħ mietu b’riżultatat tax-xita Monsoon. Il-qerda fit-Tramuntana tal-Pakistan ġiegħlet għexieren ta’ eluf iħallu djarhom. Il-Ministru tat-tibdil fil-klima tal-pajjiż qal li l-għargħar fil-pajjiż affettwa aktar minn 30 miljun ruħu matul l-aħħar ftit ġimgħat, u sejjaħ is-sitwazzjoni bħala “diżastru umanitarju kkawżat mill-klima ta’ “proporzjoni epika”.

Qabel talab it-Talba Marjana, l-Papa Franġisku reġa invoka lill-Madonna, biex taqla l-maħfra u l-paċi għad-dinja kollha. Huwa talab ukoll għan-nies tal-Ukrajna, u “għal dawk kollha li qed ibatu minħabba l-gwerra. Jalla Alla tal-paċi jqajjem sens uman u Nisrani ta’ ħniena u jnissel ħniena fil-qlub tal-mexxejja tal-ġnus”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-08/pope-francis-prays-for-flood-hit-pakistan-during-angelus.html

%d bloggers like this: