Il-verità u s-sbuħija ma jinxtrawx bil-flus

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 18 ta’ Settembru 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-ħamsa u għoxrin Ħadd matul is-sena. Kappella ta’ Sta Marija f’Bir Miftuħ, Gudja.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jpoġġilna għażla diffiċli llum quddiemna: il-flus jew hu. Diffiċli ħafna anke għax aħna nifhmu li l-flus għandna bżonnhom. Imma li taħli ħajtek – ħa nuża din il-frażi ‘taħli ħajtek’ – li tiġri wara l-flus, mingħajr ma tgawdiha, hi bluha kbira. Għax donnu taħseb li l-ħajja mhu se tispiċċa qatt, ma jasal qatt il-mument meta trid tagħti kont tal-amministrazzjoni tiegħek.

Tgħiduli xi trid tgħid? Xi jrid jgħid Ġesù? Ġesù juża din it-tixbiha għall-ħajja tagħna. Mhux qed jitkellem biss fuq min afdak bil-flus ta’ ħaddieħor, bħalma jista’ jkun anke qassis jew isqof, afdat bil-flus tal-komunità u jrid iħaddimhom sew u jrid jagħti kont. Ma jistax jużahom għalih innifsu. Ġesù qed jitkellem fuq il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Hu s-sid li qed jafdalna l-ħajja tagħna. Qed jgħidilna: ‘isma’ ħajtek veru tiegħek imma hi afdata f’idejk. Użaha tajjeb, tkissirx lilek innifsek, u taħraqx il-possibbiltajiet kollha li għandek.

Xi ħaġa oħra li laqtitni jien u nirrifletti fuq dan il-qari, hawn min jgħid li din hi waħda mill-iżjed parabboli diffiċli ta’ Ġesù. Għaliex? Għax aħna lil Ġesù mdorrijin nisimgħuh ifaħħar it-tajjeb. Ħin minnhom hawnhekk qed ifaħħar lil min hu diżonest. U ngħidu: hawnhekk kien xorob xi ftit Ġesù jew ġralu xi ħaġa? Qed jgħid indirettament kemm kien għaqli dak l-amministratur li ħaddem rasu biex ikun hemm min jieħu ħsiebu meta ġustament jitneħħa mill-amministrazzjoni (ara Lq 16:3-4). U ma jgħidlux amministratur tajjeb. Ġesù jibqa’ jinsisti li kien amministratur ħażin. Forsi mhux għax kien bniedem ħażin imma ma kienx rett fl-amministrazzjoni tiegħu. Il-flus li kienu afdati f’idejh ma użahomx sew. Allura mbagħad meta ġie biex jagħti u jagħmel il-kontijet, is-sid qallu: ‘Ħija, hawnhekk ma tistax tibqa inti’, li mbagħad lil min ħaseb li ’l quddiem se jieħu ħsiebu, jgħallmu wkoll ma jkunx onest. Allura hawnhekk nibdew inħokku rasna. Ġesù eżattament xi jrid? Iridna jew ma jridniex inkunu onesti?

Is-sbuħija trid ir-rażan mhux il-kilba għall-poter u għall-flus. Meta jkun hemm dak mhux sbuħija noħolqu, kruha noħolqu. U dawn l-affarijiet narawhom b’għajnejna kuljum. U xorta ma niqfux.

Ġesù hu impressjonat bl-għaqal li ħafna drabi jsib f’min jiddedika ruħu għall-ħażen tad-dinja u jgħid: “Kemm huma għaqlin ulied id-dlam ma’ dawk li huma bħalhom” (Lq 16:8). U jagħmel qisu tnehida. Jiena lil Ġesù nisimgħu jitniehed waqt li jgħid: “ulied id-dawl”. Kemm hemm bżonn ikunu għaqlin ukoll. X’jiġifieri għaqlin? Ftit makakkerija ma tagħmilx ħażin lanqas. Li inti tifhem li l-ġid li għandek fuq l-art – jista’ jkun flus, jista’ jkun artijiet, jista’ jkun imħabbiet li għandek, dak kollu li inti tużah tajjeb u bil-għaqal biex inti tassew tgawdi l-ħajja u ssibha meta jonqoskom kollox, Ġesù jgħid issibu dak li intom tkunu żrajtu fil-mergħat ta’ dejjem.

Ġesù qed jibda jippreparana. Bil-mod il-mod qed noqorbu lejn l-aħħar tas-sena liturġika, qegħdin fl-aħħar tas-sajf, ftit jiem oħra tibda l-ħarifa u allura nibdew nisimgħu ’l Ġesù jitkellem fuq l-aħħar affarijiet. Illum jibda jċekċikilna li rridu nagħtu kont tal-amministrazzjoni tagħna.

L-ewwel qari mill-profeta Għamos iwissi lil min f’ħajtu japprofitta ruħu mill-proxxmu, ikun korrott, jinqeda b’mod inġust bl-affarijiet ta’ din id-dinja u jgħidlu: “ħabib ara taħseb li dak kollu li għamilt se jintesa b’mod speċjali l-inġustizzja li għamilt mal-fqar” (ara Għam 8:4-7). Irridu nagħtu kont tal-għażliet tagħna.

Il-flus tajbin bħala għodda. M’għandhomx ikunu dawk li jisirqulek qalbek.

Imma Ġesù jpoġġi forsi waħda mill-iżjed għażliet diffiċli. Kulħadd, inkluż jien magħkom, ilkoll nagħmlu dan l-eżami ċkejken: fil-qalb tagħna, fil-verità imma. M’hemmx għalfejn inxandruh jew niktbuh fuq Facebook. Fil-qalb tiegħek: x’inhu l-iżjed għażiż għalija? Alla, l-imħabba, it-tajjeb jew il-flus?

Issa l-flus, tista’ tixtri l-imħabba bil-flus? Tista’ tixtri l-paċi bil-flus? Tista’ tixtri s-sbuħija bil-flus? Ir-risposta qiegħda fil-qalb tagħna. Tista’ tixtri l-verità bil-flus? Bil-flus tixtri gidba. Tħallas lil xi ħadd biex jikkalunja ’l xi għadu jew biex jivvinta gidba fuq xi ħadd. Dik tixtriha imma l-verità ma tixtrihiex.

Is-sbuħija. Is-sbuħija trid ir-rażan mhux il-kilba għall-poter u għall-flus. Meta jkun hemm dak mhux sbuħija noħolqu, kruha noħolqu. U dawn l-affarijiet narawhom b’għajnejna kuljum. U xorta ma niqfux.

Li Alla meta jpoġġi quddiemna l-għażla bejnu, it-tajjeb, il-veru u l-flus, iridilna l-aqwa ġid. Il-flus tajbin bħala għodda. M’għandhomx ikunu dawk li jisirqulek qalbek. Aħna għandna din l-espressjoni bil-Malti: ‘seraqli qalbi’. Kieku seraqhielek Alla qegħdin f’idejn tajba, imma jekk jisirquhielek il-flus li saru l-alla tiegħek? X’sens jagħmel li tgħid li l-flus li għandek fil-bank jew fejn, f’liema gżira mbiegħda fejn ħadd ma jista’ jgħarrex, serquli qalbi? Mela qalbek mhux tiegħek ħabib, oħti, ħija. L-għażla f’idejna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Għam 8:4-7
Salm: 112 (113):1-2,4-6,7-8
Qari II: 1 Tim 2:1-8
L-Evanġelju: Lq 16:1-13

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: