Qari tat-Tlieta tar-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta

Qari I

Nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna.

Lhud 12, 1-4

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna. Hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.

Aħsbu mela fih, li qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira min-naħa tal-midinbin, biex ma tegħjewx u ma taqtgħux qalbkom. Sa issa fil-ġlieda tagħkom kontra d-dnub, għad ma żammejtux hekk iebes li wasaltu biex xerridtu demmkom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 21 (22), 26b-27.28 u 30.31-32

R/. (ara 27b): Ifaħħruk, Mulej, dawk li jfittxuk

Irrodd il-wegħdiet tiegħi quddiem dawk li jibżgħu minnu.

Jieklu l-fqajrin u jixbgħu;

ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.

Ħa tgħix qalbhom għal dejjem! R/.

Jiftakru t-truf kollha tal-art,

u jerġgħu lura lejn il-Mulej;

u quddiemu jinxteħtu

r-razez kollha tal-ġnus. R/.

Lilu jqimu l-bnedmin li jmutu;

quddiemu jmil

kull min nieżel ġot-trab. R/.

Għalih tgħix ruħi,

lilu jaqdi n-nisel tiegħi.

Ixandru ’l Sidi lin-nisel li għad jiġi,

ixandru l-ġustizzja tiegħu lill-poplu li għad jitwieled:

“Dan għamlu l-Mulej!” R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 8, 17

Hallelujah. R/. Hallelujah

Kristu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna,

u tgħabba bil-mard tagħna.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!

Mk 5, 21-43

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix”. U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.

U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kulma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar. Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa”. F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha.

Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?”. Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: “Min messni?”. Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu.

Qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek! Mur bis-sliem u kun imfejqa mill-marda tiegħek”. Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?”. Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen”. U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu.

Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier ittfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!”. Jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!”. Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi, għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: