Qari tal-Erbgħa tal-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa

Qari I

Il-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden.

Ġen 2, 4b-9.15-17

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Meta Alla ħalaq l-art u s-sema; meta kien għad ma hemm ebda xitla tar-raba’ fuq l-art; meta ebda ħaxix tar-raba’ ma kien għadu nibet – għax il-Mulej Alla kien għadu ma bagħatx xita fuq l-art, u bniedem ma kienx hemm biex jaħdem l-art, minkejja l-ilma tiela’ mill-art li sata’ jsaqqi l-wiċċ kollu tal-art il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja.

U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-Lvant, u qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar. U l-Mulej Alla nibbet mill-art is-siġar kollha li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel; u s-siġra tal-ħajja f’nofs il-ġnien u s-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin.

U l-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden biex jaħdmu u jħarsu. U l-Mulej Alla ordna lill-bniedem u qallu: “Mis-siġar kollha tal-ġnien tista’ tiekol, imma mis-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dakinhar li tiekol minnha żgur li tmut”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 103 (104), 1-2a.27-28.29bċ-30

R/. (1a): Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!

Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,

bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb. R/.

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha

li tagħtihom ikilhom f’waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru;

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid. R/.

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,

u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 17, 17b.a

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma tiegħek hi l-verità:

qaddisna permezz tal-verità.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem.

Mk 7, 14-23

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem”. Meta ħalla n-nies u daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh fuq il-parabbola. U hu qalilhom: “Intom ukoll daqshekk bla moħħ? Ma tifhmux li xejn ma jista’ jtabba’ lill-bniedem minn dak li jidħol ġo fih minn barra, la darba dan mhux fil-qalb imur, iżda fl-istonku, biex imbagħad jintrema fil-ħofra?”. B’hekk wera li l-ikel kollu hu safi.

U qalilhom: “Dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: