Qari tal-Ħamis tas-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis

QARI I
Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art.
Ġen 9:1-13

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Alla bierek lil Noè u lil uliedu, u qalilhom: “Nisslu u oktru u imlew l-art. U jkun il-biża’ tagħkom fuq kull ħliqa ħajja fuq l-art, u fuq it-tajr kollu tal-ajru, u fuq kulma jitkaxkar fl-art u fuq il-ħut kollu tal-baħar; u jitriegħdu quddiemkom; f’idejkom nerħihom. Kulma hu ħaj u jitħarrek fl-art ikun ikel għalikom; u wkoll il-ħaxix aħdar kollu nagħtikom. Imma l-laħam b’demmu ġo fih, li hu ħajtu, la tikluhx. U jien nitlob kont ta’ demmkom, li hu ħajjitkom, nitolbu mingħand kull bhima, mingħand kull bniedem; mingħand kull wieħed nitħallas tal-ħajja ta’ bniedem ieħor bħalu. Kull min ixerred demm ta’ bniedem, minn bniedem ieħor jixxerred demmu. Għax skont ix-xbieha tiegħu, ħalqu Alla lill-bniedem. U intom nisslu u oktru; xterdu mal-art u oktru fuqha”.

U Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom: “Arawni, hawn jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma’ nisilkom warajkom; ma’ kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u mal-bhejjem, ma’ kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li ħarġu magħkom mill-arka. Jien nagħmel il-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet tad-dilluvju; u qatt iżjed ma jkun hemm dilluvju biex iħarbat l-art”.

U żied jgħid Alla:
“Dan ikun is-sinjal tal-patt
li jien qiegħed nagħmel bejni u bejnkom,
u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom,
għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem.
Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab,
u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 101(102):16-18,19-21,29,22-23

R/. (20b): Il-Mulej jittawwal mis-sema lejn l-art.

Ħa jkollhom il-ġnus il-biża’ ta’ ismek, Mulej,
u s-slaten kollha tal-art il-biża’ tas-sebħ tiegħek,
meta l-Mulej jerġa’ jibni lil Sijon,
u jidher fis-sebħ tiegħu.
U jisma’ t-talb tal-mitluqin,
ma jistmellx it-talb tagħhom. R/.

Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi,
u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej:
“Il-Mulej iħares ’l isfel mill-għoli tas-santwarju tiegħu,
u jittawwal mis-sema lejn l-art,
biex jisma’ l-krib tal-ilsiera,
biex jeħles ’il dawk li huma għall-mewt”. R/.

Ulied il-qaddejja tiegħek ikollhom darhom;
nisilhom jibqa’ għal dejjem quddiemek.
U hekk jixxandar f’Sijon isem il-Mulej,
u f’Ġerusalemm it-tifħir tiegħu,
meta l-popli flimkien jinġemgħu,
u saltniet biex jaqdu l-Mulej. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 6:63ċ,68ċ

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-kliem tiegħek huwa spirtu u ħajja.
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Inti l-Messija… Bin il-bniedem ibati ħafna.
Mk 8:27-33

Qari mill-Evanġelju skond San Mark
F’dak iż-żmien, telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?”. Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti”. Hu staqsiehom: “Imma intom, min tgħidu li jien?”. Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija”. Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu. U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading