Qari tal-Ħamis tal-Ħames Ġimgħa tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis

QARI I
Nagħmel minnek missier ħafna ġnus.
Ġen 17:3-9

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, Abram inxteħet wiċċu fl-art, u Alla kellmu u qallu:
“Hawn jien. Ara l-patt tiegħi miegħek:
Int tkun missier ta’ ħafna ġnus.
U ma tissejjaħx aktar Abram,
imma Abraham ikun ismek,
għax missier ħafna ġnus nagħmel minnek.

U jiena nkattrek fuq li nkattrek, u nagħmel minnek ġnus sħaħ, u slaten joħorġu minnek. U jien nagħmel il-patt tiegħi bejni u bejnek, bejni u bejn nislek warajk skond il-ġenerazzjonijiet tagħhom, patt għal dejjem, li nkun Alla tiegħek u ta’ nislek għal dejjem warajk. U jien nagħti lilek u lil nislek l-art fejn int frustier, l-art kollha ta’ Kangħan, biex tkun tiegħek għal dejjem, u jiena nkun Alla tagħhom”. U Alla żied jgħid lil Abraham: “U int iżżomm il-patt tiegħi, int u
nislek warajk, skond il-ġenerazzjonijiet tagħhom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 104(105):4-5,6-7,8-9

R/. (8a): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.

Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,
fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu.
Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,
fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu. R/.

Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,
Jaħweh hu Alla tagħna!
Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.

Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma’ Abraham,
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Salm 94(95):8ab

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Illum la twebbsux qalbkom,
iżda isimgħu leħen il-Mulej.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi.
Ġw 8:51-59

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil-Lhud: “Tassew tassew ngħidilkom li min iħares il-kelma tiegħi ma jara qatt il-mewt”. Qalulu l-Lhud: “Issa tassew nafu li għandek Xitan fik. Abraham miet, u l-profeti wkoll; u inti tgħid: ‘Jekk xi ħadd iħares kelmti ma jduq qatt il-mewt’. Jaqaw int akbar minn missierna Abraham li miet? U l-profeti wkoll mietu. Inti x’taħseb li int?”.

Wieġeb Ġesù: “Li kieku kelli nagħti glorja lili nnifsi, il-glorja tiegħi ma kienet tkun tiswa xejn. Imma dak li lili qiegħed jagħtini l-glorja huwa l-Missier, dak li intom tgħidu li hu Alla tagħkom, u madankollu ma għaraftuhx. Imma jiena nafu, u kieku kelli ngħid li ma nafux, kont inkun giddieb bħalkom. U mhux biss nafu, imma wkoll inħares il-kelma tiegħu. Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi, u rah u feraħ”.

Qalulu l-Lhud: “Għadek anqas għalaqt il-ħamsin u rajt lil Abraham?”. Qalilhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, qabel ma kien Abraham, jiena hu”. Għalhekk il-Lhud qabdu l-ġebel biex iwaddbuhulu; imma Ġesù nħbielhom u ħareġ mit-tempju.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading