It-Tnejn
QARI I
Ma jgħajjatx, ma jsemmax leħnu fil-pjazez.
Iż 42:1-7
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
“Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,
il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet!
Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu,
biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.
Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu;
ma jsemmax leħnu fil-pjazez,
qasba mġelġla ma jiksirhiex,
musbieħ inemnem ma jitfihx.
Iġib il-ġustizzja fis-sewwa.
Ma jegħjiex, ma jitfarrakx,
sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art;
u l-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu”.
Dan jgħid Alla, il-Mulej,
li ħalaq u firex is-smewwiet,
u l-medda tal-art bil-frott u l-ħdura tagħha,
li jagħti l-ħajja lill-poplu li hemm fiha,
u r-ruħ lil dawk li jgħixu fiha:
“Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,
qbadtek minn idek u ħaristek,
u għamilt minnek patt tal-poplu,
dawl għall-ġnus,
biex int tiftaħ għajnejn l-għomja,
toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs,
u ’l dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 26(27):1,2,3,13-14
R/. (1a): Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.
Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;
quddiem min għandi nitwerwer? R/.
Meta jqumu għalija l-ħżiena,
biex jaħtfuni u jikluni,
dawk li għandhom għalija, l-għedewwa tiegħi,
huma jitfixklu u jaqgħu. R/.
Imqar jekk eżerċtu jqum għalija,
xejn ma tibża’ qalbi;
imqar jekk gwerra tqum kontrija,
jiena nibqa’ qalbi qawwija. R/.
Nemmen li għad nara
t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;
ittama fil-Mulej. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Is-sliem għalik, Sultan tagħna,
int biss ħennejt għalina fl-iżbalji tagħna.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
EVANĠELJU
Ħalliha, din il-fwieħa refgħetha għal jum id-difna tiegħi.
Ġw 12:1-11
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
Sitt ijiem qabel il-festa tal-Għid, Ġesù mar Betanja, fejn kien joqgħod Lazzru li Ġesù kien qajjem mill-imwiet. Hemmhekk għamlulu ikla; Marta bdiet isservi, waqt li Lazzru kien wieħed minn dawk li qagħdu fuq il-mejda ma’ Ġesù. Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, imbagħad ixxuttathomlu b’xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ.
Ġuda l-Iskarjota, wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li kien se jittradih, qal: “Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?”. Issa dan qalu mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kulma kienu jaqilgħu.
Qallu Ġesù: “Ħalliha, din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi. Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni”.
Kotra kbira ta’ Lhud saru jafu li hu kien qiegħed hemm, u marru mhux biss minħabba Ġesù, imma wkoll biex jaraw lil Lazzru, li hu kien qajjem mill-imwiet. Għalhekk il-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll, għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f’Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.