Qari tat-Tlieta tas-Seba’ Ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta

Qari I

Intemm il-mixja tiegħi u l-ministeru li ħadt mingħand il-Mulej Ġesù.

Atti 20, 17-27

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, minn Miletu Pawlu bagħat isejjaħ lill-presbiteri tal-Knisja ta’ Efesu. Meta waslu għandu, qalilhom: “Intom stess tafu kif jien ġibt ruħi kemm domt magħkom minn dakinhar li rfist l-ewwel darba fl-Asja, kif qdejt lill-Mulej bl-umiltà kollha, bid-dmugħ u bit-tiġrib li fih sibt ruħi minħabba t-tnassis tal-Lhud. Qatt ma bżajt nurikom dak li hu ta’ fejda għalikom u ngħallimkom kemm fil-beraħ u kemm fid-djar, u nwissi lil-Lhud u lill-Griegi li għandhom jindmu u jduru lejn Alla u jemmnu fil-Mulej tagħna Ġesù.

U issa, araw, jien, imġiegħel mill-Ispirtu, sejjer Ġerusalemm bla ma naf x’se jgħaddi minn għalija hemmhekkk. Naf biss li l-Ispirtu s-Santu wrieni f’kull belt li hemm jistennewni ħabs u tbatija. Iżda jien lil ħajti xejn ma nqisha għażiża għalija jekk mhux biex intemm il-mixja tiegħi u l-ministeru li ħadt mingħand il-Mulej Ġesù, jiġifieri, li nagħti xhieda tal-Evanġelju tal-grazzja ta’ Alla.

U issa jiena naf li intom ilkoll, li fostkom għaddejt inxandar is-Saltna, m’intomx se taraw wiċċi aktar. Għalhekk nistqarr quddiemkom illum li jien m’iniex ħati tal-ħsara li tistgħu ġġarrbu; għax jien qatt ma bżajt nurikom dak kollu li Alla jrid minnkom”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 67 (68), 10-11.20-21

R/. (33a): Slaten tal-art, għannu lil Alla

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla,

fuq l-art, wirt tiegħek, u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha.

Il-poplu tiegħek għammar fiha,

fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha. R/.

Imbierek Sidi l-Mulej minn jum għal ieħor!

Jieħu ħsiebna Alla, is-salvatur tagħna.

Alla tagħna hu Alla li jsalvana;

il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jien nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor

biex jibqa’ magħkom għal dejjem.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Missier, agħti glorja lil Ibnek.

Ġw 17, 1-11a

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù rafa’ għajnejh lejn is-sema u qal: “Missier, waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek biex l-Iben jagħti glorja lilek, bħalma int tajtu s-setgħa fuq kull bniedem biex jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk kollha li inti fdajtlu.

Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt. Jien igglorifikajt lilek fuq l-art billi temmejt ix-xogħol li tajtni nagħmel. U issa, Missier, igglorifika lili għandek, bil-glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja. Jiena għarraft ismek lill-bnedmin li inti tajtni mid-dinja. Kienu tiegħek, u inti tajthom lili, u huma ħarsu kelmtek. Issa jafu li dak kollu li tajtni ġej minnek; għaliex il-kliem li int tajt lili jiena tajtu lilhom, u huma laqgħuh u għarfu tabilħaqq li jiena ħriġt minnek, u emmnu li inti bgħattni.

Jiena għalihom nitlob; ma nitlobx għad-dinja, imma għal dawk li inti tajtni, għaliex huma tiegħek, u dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek, u dak li hu tiegħek huwa tiegħi, u jien igglorifikat permezz tagħhom. U jien ma għadnix aktar fid-dinja, iżda huma għadhom fid-dinja, u jiena ġej għandek”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: