L-Erbgħa
QARI I
Nitlaqkom f’idejn Alla u l-kelma tal-grazzja tiegħu li għandha l-qawwa li tibnikom.
Atti 20:28-38
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pawlu qal lill-presbiteri tal-Knisja ta’ Efesu: “Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu l-Knisja ta’ Alla li hu kiseb b’demmu stess.
Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-merħla ma jaħfruhilhiex. U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa, bil-ħsieb li jdawru d-dixxipli għal warajhom. Għalhekk iftħu għajnejkom, ftakru kif għal tliet snin sħaħ, lejl u nhar, qatt ma waqaft inwissi bid-dmugħ f’għajnejja lil kull wieħed minnkom.
U issa nitlaqkom f’idejn Alla u l-kelma tal-grazzja tiegħu, dik il-kelma li għandha l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehemkom fost dawk li huma kkonsagrati lilu. Fidda, deheb u lbies ta’ ħaddieħor qatt ma xtaqthom. Intom stess tafu li kienu dawn idejja li ħadmu għall-ħtiġijiet tiegħi u ta’ sħabi. F’kollox urejtkom li b’xogħol iebes bħal dan tagħna għandna nieħdu ħsieb ngħinu lil min hu fil-bżonn, waqt li niftakru fi kliem il-Mulej Ġesù li qal: ‘Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu!’.
Kif temm jgħid dan, niżel għarkupptejh jitlob magħhom ilkoll. Imbagħad infexxew ilkoll f’bikja kbira u bdew jgħannqu lil Pawlu u jbusuh. L-aktar li ħassew għax qalilhom li qatt aktar ma kienu se jerġgħu jaraw wiċċu. Imbagħad wassluh sal-ġifen.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 67(68):29-30,33-35a,35b-36ċ
R/. (33a): Slaten tal-art, għannu lil Alla.
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Ibgħat, o Alla, il-qawwa tiegħek,
wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina.
Lejn it-tempju tiegħek f’Ġerusalemm,
għalik is-slaten iġibu l-għotjiet. R/.
Slaten tal-art, għannu lil Alla,
faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej:
lil dak li jirkeb fuq is-smewwiet, fuq is-smewwiet ta’ dejjem.
Arawh! Se jsamma’ leħnu, leħen qawwi:
agħrfu l-qawwa ta’ Alla! R/.
Fuq Iżrael il-kobor tiegħu;
fis-smewwiet il-qawwa tiegħu.
Tal-biża’ Alla fis-santwarju tiegħu!
Hu Alla ta’ Iżrael, li jagħti qawwa u ħila lill-poplu tiegħu. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 17:17b,a
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-Kelma tiegħek, Mulej, hi l-verità:
qaddisna permezz tal-verità.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Ħa jkunu ħaġa waħda bħalna.
Ġw 17:11b-19
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù rafa’ għajnejh lejn is-sema talab u qal: “Missier qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna. Kemm domt magħhom, jiena ħaristhom fl-isem tiegħek, l-isem li tajtni. U jiena ħadt ħsiebhom, u ħadd minnhom ma ntilef ħlief bin it-telfien, biex isseħħ l-Iskrittura. Imma issa jiena ġej għandek, u qiegħed ngħid dan, kif għadni fid-dinja, biex huma jkollhom fihom il-ferħ sħiħ tiegħi. Jiena tajthom il-kelma tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma mhumiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja.
Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin. Huma mhumiex tad-dinja bħalma jiena m’iniex tad-dinja. Qaddishom permezz tal-verità; il-kelma tiegħek hi l-verità. Kif inti bgħatt lili fid-dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid-dinja. U jien minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal-verità”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.