Qari tal-Ħamis tat-Tmien Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

Qari I
B’sebħ il-Mulej hu mimli xogħlu.
Sir 42, 15-26 (gr. 15-25)

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak
Sa nfakkar issa l-għemejjel tal-Mulej,
u nitkellem fuq dak li rajt.
Bi kliem il-Mulej saru l-għemejjel tiegħu.

Ix-xemx iddawwal hi u tħares fuq kollox;
hekk b’sebħ il-Mulej hu mimli xogħlu.

Lanqas lill-qaddisin tiegħu ma ta l-Mulej is-setgħa,
li jgħoddu u jfissru għeġubijietu,
dak li għamel il-Mulej li jista’ kollox
biex il-ħolqien kollu jkun fis-sod fil-glorja tiegħu.

Jifli l-abbissi u qlub il-bnedmin,
u jagħraf it-triqat imwiegħra tagħhom,
għax Alla l-għoli jagħraf kulma jista’ jingħaraf,
u jħares lejn is-sinjali taż-żmien.

Iħabbar dak li għadda u dak li għad ikun,
u jikxef triqat il-ħwejjeġ mistura.

Ma jaħrablu l-ebda ħsieb,
u lanqas kelma waħda mhi moħbija minnu.

Qassam bl-ordni l-opri l-kbar ta’ għerfu,
u hu minn dejjem u għal dejjem.

Xejn ma jiżdiedlu u lanqas jitnaqqaslu,
u ma jeħtieġ il-parir ta’ ħadd.

X’għaxqa fihom l-għemejjel tiegħu kollha!
U minnhom ma tidhirx ħlief xrara!

Kollha jgħixu u jibqgħu għal dejjem,
kollha meħtieġa, u kollha jisimgħu minnu.

Kollox tnejn tnejn, wieħed il-maqlub tal-ieħor,
u m’għamel xejn bin-nieqes.

B’wieħed isaħħaħ it-tajjeb tal-ieħor,
u min se jixba’ jħares lejn sebħu?

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali
Salm 32 (33), 2-3.4-5.6-7.8-9

R/. (6a): Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet

Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi.
Għannulu għanja ġdida;
doqqulu bis-sengħa u b’leħen qawwi. R/.

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,
u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.
Bħal f’ġarra l-ilmijiet ġabar,
u l-ibħra kbar fi mħażen. R/.

Ħa tibża’ mill-Mulej l-art kollha;
jitbeżża’ minnu kull min jgħammar fid-dinja.
Għax hu tkellem, u hi saret;
hu ordna, u hi twaqqfet. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 8,12

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej:
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.

R/. Hallelujah

Evanġelju
Li nerġa’ nara, Rabbuni!
Mk 10, 46-52

Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”. Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.

Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu!” Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek!”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù. U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni!” wieġbu l-agħma. Qallu Ġesù: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading