Is-Sibt
Qari I
Lil min tani l-għerf glorja nagħtih.
Sir 51, 17-27 (gr 12-20b)
Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak
Irroddlok ħajr u nfaħħrek,
u nbierek l-isem tal-Mulej.
Meta kont għadni żagħżugħ, qabel ma bdejt nivvjaġġa,
fittixt l-għerf bid-dieher fit-talb tiegħi.
Quddiem it-tempju kont nitlob għalih,
u nibqa’ nfittxu sal-aħħar.
Xħin tiżhar id-dielja sa ma ssajjar l-għeneb,
qalbi kienet tithenna bl-għerf.
Meddejt riġli f’mogħdija dritta,
minn żgħożiti kont insus warajh.
Tajtu ftit widen u ngħatali,
imma sibt għalija ħafna tagħlim.
Bih imxejt ’il quddiem;
lil min tani l-għerf glorja nagħtih.
Għax għandi f’moħħi li nġib ruħi bl-għerf,
u sirt ħerqan għat-tajjeb u ma jkollix għax nistħi.
Tħabatt ħafna biex nikseb l-għerf,
u ħarist il-Liġi bir-reqqa.
Irfajt idejja ’l fuq
u bkejt għax ma kontx nagħrfu.
Mexxejt lili nnifsi lejn l-għerf
imma sibtu fis-safa.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 18 (19), 8.9.10.11
R/. (9a): Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb
Il-liġi tal-Mulej perfetta,u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.
Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. R/.
Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.
Egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Kol 3, 16a.17ċ
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom;
kulma tagħmlu roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Int b’liema setgħa qiegħed tagħmlu dan kollu?
Mk 11, 27-33
Qari mil-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu mill-ġdid marru Ġerusalemm. Kif kien qiegħed idur fit-tempju, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba u x-xjuħ u staqsewh: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmlu dan kollu? U min tahielek din is-setgħa biex tagħmlu?”. Ġesù qalilhom: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien. Weġbuni għaliha, u ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. Il-magħmudija ta’ Ġwanni kienet ħaġa ġejja mis-sema jew mill-bnedmin? Weġbuni”. Dawk, bejnhom u bejn ruħhom, bdew jirraġunaw u jgħidu: “Jekk inweġbuh: “Mis-sema”, jgħidilna: “Mela għaliex ma emmintuhx?”. Mela ngħidulu: “Mill-bnedmin?””.
Huma kienu jibżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżomm li Ġwanni kien tabilħaqq profeta. Għalhekk lil Ġesù weġbuh u qalulu: “Ma nafux”. U Ġesù qalilhom: “Mela anqas jien ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu