Qari tal-Erbgħa tad-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa

QARI I
Mosè miet fl-art ta’ Mowab. Qatt iżjed ma deher f’Iżrael profeta bħal Mosè.
Dewt 34, 1-12

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

F’dak iż-żmien, mill-wita ta’ Mowab Mosè tala’ fuq il-muntanja Nebu, fuq il-quċċata tal-Pisga, li tiġi quddiem Ġeriko. U l-Mulej urieh l-art kollha: Gilgħad sa Dan, Naftali kollu, l-art ta’ Efrajm u Manassi, l-art kollha ta’ Ġuda sal-baħar tal-Punent, in-Negeb fin-Nofsinhar, u l-firxa kollha mill-wita ta’ Ġeriko, belt is-siġar tal-palm, sa Sogħar. U l-Mulej qallu: “Din hija l-art li jiena ħlift li nagħtiha lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb, meta jiena għedt: “Lil nislek nagħtiha”. Ħallejtek taraha b’għajnejk, iżda fiha ma tidħolx”.

U hemm miet Mosè, il-qaddej tal-Mulej, fl-art ta’ Mowab, bħalma ried il-Mulej. U difnuh fil-wied f’art Mowab, fuq ir-riħ ta’ Bet-pegħor; u sal-lum qabru ħadd ma jaf fejn hu. Mija u għoxrin sena kellu Mosè meta miet; kien għadu ma ċċajparx dawl għajnejh, u anqas saħħtu ma rħietu. Tletin jum damu wlied Iżrael jibku ’l Mosè fil-wita ta’ Mowab.

Meta għaddew jiem il-biki għal-luttu ta’ Mosè, deher Ġożwè bin Nun, mimli bl-ispirtu tal-għerf, għax Mosè kien qiegħed idejh fuqu; għalhekk ulied Iżrael qagħdu għalih, u għamlu bħalma l-Mulej kien ikkmanda lil Mosè.

Imma qatt iżjed ma deher f’Iżrael profeta bħal Mosè li l-Mulej kien jafu wiċċ imb wiċċ; ħadd bħalu għas-sinjali u l-għeġubijiet kollha li tah jagħmel il-Mulej fl-art tal-Eġittu kontra l-Fargħun u l-qaddejja tiegħu kollha u artu kollha: ħadd bħal Mosè, għall-għemejjel kollha ta’ qawwa u ta’ biża’ kbir li għamel quddiem Iżrael kollu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 65 (66), 1-3a.5 u 16-17

R/. (ara 20a u 9a): Imbierek Alla: hu li jżommna fost il-ħajjin

Għajtu bil-ferħ lil Alla, bnedmin tad-dinja kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu,
xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek!” R/.

Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;
tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin.
Bierku, popli, lil Alla tagħna,
semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu. R/.

Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,
intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,
ngħidilkom x’għamel miegħi.
Lilu sejjaħ fommi,
tifħiru kien fuq ilsieni. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Kor 5, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla kien li ħabeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk.
Mt 18, 15-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kulma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan u pubblikan.

Tassew ngħidilkom, li kulma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kulma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading