Ġwanni Pawlu II f’Pentecoste

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-GRAN BRITTANJA
QUDDIESA TAL-PENTEKOSTE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Solennità ta’ Pentekoste
Coventry, 30 ta’ Mejju 1982

Għeżież ħuti f’Ġesù Kristu.

1. Il-paċi magħkom. F’din il-festività kbira tal-Pentekoste insellmilkom ilkoll li ġejtu minn tant parroċċi tal-provincja ta’ Birmingham u ta’ oħrajn. Insellem ukoll li ħutna rġiel u nisa ta’ Knejjes Insara u komunitajiet ekkleżjali oħra, li l-preżenza tagħhom tixhed l-unika Magħmudija tagħna f’Ġesù Kristu u d-disponinbiltà tagħna għall-uniku Spirtu Santu. Għal dan l-ewwel kliem li se nindirizzalkom huwa: “Il-paċi magħkom”.

Ninsabu qrib il-belt ta’ Coventry, belt meqruda mill-gwerra imma mibnija mill-ġdid fit-tama. Il-qerda tal-Katidral l-antik u l-bini tal-ġdid huma magħrufa mad-dinja kollha bħala simbolu ta’ rikonċiljazzjoni nisranija u ta’ paċi. Aħna nitolbu f’din il-Quddiess: “Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art”. F’din it-talba aħna nduru lejn Alla sabiex jirrendina kapaċi li nwettqu dik ir-rikonċiljazzjoni u dik il-paċi mhux biss b’mod simboliku imma wkoll fir-realtà.

2. Id-dinja tagħna hija sfigurata mill-gwerra u mill-vjolenza. Ir-rovini tal-Katidral l-antik ifakkru kostantement lis-soċjetà tagħna il-ħila tagħha li teqred. U llum din il-ħila hija ikbar minn qatt qabel. Il-popli huma kostretti li jgħixu taħt l-inkubu nuklejari. Bdanakollu kullimkien in-nies tixtieq bis-serjeta l-paċi. Irġiel u nisa ta’ rieda tajba iridu jinġabru flimkien għat-tiftix ta’ komunità ta’ fratellanza u ta’ fehim fid-dinja kollha.

Huma jixtiequ bis-serjeta l-ġustizzja, imma l-ġustizzja mimlija ħniena. Mill-waqt li ninsabu hekk qrib għall-post fejn twieled Shakespeare, irridu nimmeditaw dwar dak li huwa qal: “Ħadd minna ma jistà jsib is-salvazzjoni fil-ġustizzja umana. Ejjew nitolbu l-ħniena, u din l-istess talba tgħallem lil kull wieħed minna biex nirreċiprokaw l-opri tal-ħniena”.

Xinhi din il-paċi li tant nixtiequ? Xinhi din il-paċi rappreżentata simbolikament mill-Katidral il- ġdid ta’ Coventry?  Il-paċi mhix sempliċement nuqqas ta’ gwerra. Hija tinvolvi rispett reċiproku u fiduċja bejn il-popli u bejn in-nazzjonijiet. Tinvolvi koperazzjonijiet u ftehim li jorbtu. Bħal Katidral, il-paċi trid tinbena, pazjentement u b’fidi nkrollabbli.

Kulfejn dawk qawwija jisfruttaw lid-dgħajfa; kulfejn il-għonja jġegħlu joqogħdu għar-rieda tagħhom lill-foqra; kulfejn potenzi kbar ifittxu li jeżerċitaw dominazzjoni u jimponu idejoloġiji, hawn l-opra li titwassal il-paċi tiġi miġjuba fix-xejn, hawn il-katidral tal-paċi jiġi meqrud mill-ġdid. Illum is-sinifikat u l-orrur tal-gwerra moderna – kemm jekk tkun nuklejari jew konvenzjonali – jirrendu din il-gwerra għal kollox inaċċettabbli bħala mezz biex jissolvew inkwiet u differenzi bejn nazzjonijiet. Il-gwerra għandha tappartieni għall-passat traġiku, għall-istorja; m’għandhiex issib post fil-proġetti tal-bniedem għall-futur.

Nistedinkom mela dalgħodu biex titolbu miegħi għall-kawża tal-paċi. Ejjew nitolbu b’żelu għas-Sezzjoni Straordinarja tal-Ġnus Magħquda dwar id-Diżarm, li se tibda ma ddumx. L-ilħna tal-insara jingħaqdu ma dawk tal-bnedmin l-oħra biex iħeġġu lir-responsabbli fid-dinja kollha biex jirrinunzjaw għall-konfront u biex jirrifjutaw dawk il-politiċi li jitolbu lin-nazzjonijiet ħalli jonfqu somom enormi għall-armi tal-qerda totali. Ejjew nitolbu f’dan il-Pentekoste sabiex l-Ispirtu Santu jkun jistà jispira lill-governanti fid-dinja kollha biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu fruttuż. Jalla l-Ispirtu Santu jiggwidahom għall-adozzjoni ta’ mezzi paċifiċi biex jissalvagwardaw il-libertà, mezzi li ma jinvolvux theddid ta’ diżastru nuklejari.

Imma l-katidral tal-paċi jinbena minn ħafna ġebel żgħir. Kull wieħed u waħda għandhom isiru ġebla ta’ dak il-bini meraviljuż. Ilkoll imissna nimpenjaw ruħna konxjament u riżolutament fit-tkomplija tal-paċi. Is-suspett u l-firda bejn in-nazzjonijiet jibdew fil-qalb tal-individwi.

L-opra għall-paċi tibda meta nisimgħu s-sejħa urġenti ta’ Kristu: “Ikkonvertu u emmnu l-Vanġelu” (Mk 1, 15). Hemm bżonn li nissostitwixxu d-dominju bis-servizz, il-vjolenza bil-paċi; hemm bżonn li nduru lejn Kristu, li hu biss jistà jagħtina qalb ġdida, moħħ ġdid. Kull bniedem huwa ddestinat li jismà, f’xi waqt ta’ ħajtu din is-sejħa ta’ Kristu. It-tweġiba li nagħtu twassal għall-mewt jew għall-ħajja. Il-fidi fi Kristu, Verb Inkarnat ta’ Alla, tmexxina fit-triq tal-paċi.

3. Irrid issa ndur b’mod partikolari fuq iż-żgħażagħ li se jirċievu s-sagrament tal-Griżma. Il-Vanġelu tallum għandu sinifikat speċjali għalikom għaliex jgħid li  Ġesù gie u waqaf f’nofshom u qal “Il-Paċi magħkom”. U wrihom idejh u ġembu. U d-dixxipli ferħu għad-dehra tal-Mulej. Ġesù reġà qalilhom mill-ġdid: “Il-paċi magħkom. Bħalma l-Missier bagħat lili, jiena wkoll nibgħat lilkom”. Wara li kien qal dan, nefaħ fuqhom u qal: “Irċievu l-Ispirtu Santu”” (Ġw 20, 20-22).

Id-don ta’ Kristu, l-Ispirtu Santu, jiġi msawwab fuqkom b’mod partikolari. Se tisimgħu l-kliem tal-Knisja li se jiġu ppronunzjati fuqkom, biex jissejjaħ l-Ispirtu Santu sabiex iwettaq il-fidi tagħkom, jilqagħkom fi mħabbtu, iqawwikom għas-servizz tiegħu. Tieħdu mela postkom fost ħutkom insara tad-dinja kollha, bħala ċittadini bi dritt sħiħ tal-Poplu ta’ Alla.

Se tkunu xhieda tal-verità tal-Vanġelu fl-isem ta’ Ġesù Kristu. Ħajjitkom se tkun tali li tiġi mqaddsa tul il-ħajja umana kollha. Flimkien ma’ dawk kollha li rċivew il-Ġriżma, issiru ġebel ħaj tal-katidral tal-psaċi. Intom tassew imsejħa minn Alla biex ykunu strumenti tal-paċi.

4. Illum jeħtieġ tifhmu li mintomx weħedkom. Aħna ġisem wieħed, poplu wieħed, Knisja waħda ta’ Kristu. Il-parrinu li jinsab maġembkom jirrapreżenta għalikom il-komunità kollha. Flimkien ma’ tant u tant xhieda ta’ kull poplu u ta’ kull età, intom rappreżentanti ta’ Kristu. Intom żgħażagħ li rċivejtu missjoni mingħand Kristu, għaliex illum huwa jgħidilna: “Bħalma l-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom”.

Irrid għal waqt wieħed infakkar il-memorja ta’ żewġ Ingliżi kbar li llum jistgħu jkunulkom ta’ ispirazzjoni. Studjaw l-eżempju ta’ San Bonifaċju, imwieled fi Crediton ġo Devon, wieħed mill-konnazzjonali kbar tagħkom u wkoll wieħed mill-missjunarji kbar tal-Knisja. L-Ispirtu Santu, li niżel fuq Bonifaċju permezz tas-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Griżma, qawwa mħabbtu lejn Kristu u wasslu għal maturità tal-fidi. Din il-fidi lluminat ħajtu kollha. Xtaq passjonalment li jaqsamha mal-oħrajn, ukoll ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra. Kien għalhekk li, waqt li fada għal kollox f’Alla u b’kuraġġ u perseveranza, huwa kkontribwixxa biex ixerred il-Knisja fil-kontinent tal-Ewropa.

Intom ukoll illum imqawwija nternament mid-doni tal-Ispirtu Santu, sabiex kull wieħed minnkom, fil-mod li hu propju tiegħu, jistà jwassal il-Bxara t-Tajba lill-ħbiebu. Intom ukoll jeħtieġ turu kuraġġ u perseveranza billi tgħixu skont il-Vanġelu f’kull ċirkustanza ta’ ħajjitkom.

Ma nistax niġi fil-Midlands bla ma nfakkar lil dak ir-raġel kbir ta’ Alla, dak il-pellegrin għall-verità, il-Kardinal John Henry Newman. It-tiftix tiegħu ta’ Alla u tal-milja tal-verità – sinjal tal-Ispirtu Santu operanti fih – wassluh għal ħajja ta’ talb u għal għaqal li għadhom sallum ta’ edifikazzjoni. Is-snin mgħoddija mill-Kardinal fit-tiftix ta’ fehim iktar sħiħ tal-fidi huma s-sinjal tal-fiduċja kostanti tiegħu fil-kliem ta’ Kristu: “Jien se nitlob lil Missier u huwa se jagħtikom Kunsultur ieħor sabiex jibqà magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità li d-dinja ma tistax tirċievi, għaliex ma tarahx u ma tagħrfux” (Ġw 14, 16-17). Nirrakkomandalkom mela l-eżempju tiegħu ta’ fidi perseveranti u ta’ xewqa mħeġġa tal-verità. Huwa jistà jikkontribwixxi biex iqarrabkom lejn Alla; li fil-preżenza tiegħu kien għex u li għas-servizz tiegħu kien iddedika ruħu kompletament. It-tagħlim tiegħu illum huwa ta’ mportanza kbira ukoll għar-riċerka tagħna tal-unità tal-Knisja, mhux biss f’dan il-pajjiż imma fid-dinja kollha. Imitaw l-umiltà u l-ubbidjenza lil Alla tiegħu; itolbu għal għaqal bħal tiegħu, għaqal li jistà jiġi biss mingħand Alla.

5. “Ġesù nefaħ fuqhom u qal: “Irċievu l-Ispirtu Santu; lil min taħfrulu dnubietu dawn ikunu maħfura, u lil dawk ma taħfruhomlhom ma jkunux maħfura””.

F’dak l-ewwel Pentekoste is-Salvatur ta lill-Appostli l-poter li jaħfru d-dnubiet meta sawwab mill-ġdid fi qlubhom id-don tal-Ispirtu Santu. L-istess Spirtu Santu jiġi għandkom illum fis-sagrament tal-Griżma, biex jinvolvikom b’mod iktar sħiħ fit-taqtigħa tal-Knisja kontra d-dnub u fil-missjoni tagħha li tippromwovi l-qdusija. Jiġi biex jibqà b’mod iktar sħiħ fi qlubkom u biex iqawwikom fit-taqtigħa kontra l-ħażin. Żgħażagħ għeżież tiegħi, id-dinja tallum tinħtieġ lilkom, għaliex tinħtieġ irġiel u nisa mimlijin bl-Ispirtu Santu. Tinħtieġ il-kuraġġ tagħkom u t-tama tagħkom, il-fidi u l-perseveranza tagħkom. Id-dinja ta’ għada se tinbena fuqkom. Illum tirċievu d-don tal-Ispirtu Santu sabiex tkunu tistgħu toperaw b’fidi profonda u b’karità kostanti, sabiex tkunu tistgħu tikkontribwixxu biex twasslu lid-dinja l-frott tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi. Imqawwija mill-Ispirtu Santu u mid-doni multipli tiegħu, impenjaw ruħkom b’qalbkom kollha fit-taqtigħa tal-Knisja kontra d-dnub. Fittxu li tkunu diżinteressati; sfurzaw biex ma tkunux ossessjonati mill-ħwejjeġ materjali. Kunu membri attivi tal-Poplu ta’ Alla; irrikonċilljaw ruħkom ma’ xulxin u ddedikaw ruħkom għall-opri tal-ġustiżżja, li se jġibu l-paċi fuq l-art.

6. “Kemm huma kbar, Mulej, l-opri tiegħek” (Sal 103 [104],24).

Dan il-kliem tas-Salm responsorjali iqanqal gratitudni minn qlubna u innu ta’ tifħir minn xuftejna. U realment, kemm huma l-opri tal-Mulej, kemm kbar huma l-effetti tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu fil-Griżma! Meta dan is-sagrament jiġi mogħti, il-kliem tas-Salm jitwettqu fostna: “Ibgħat l-ispirtu tiegħek, huma maħluqa; / u ġedded il-wiċċ tal-art” (Sal 103 [104],30).

Fl-ewwel jum ta’ Pentekoste l-Ispirtu Santu niżel fuq l-Appostli u fuq Marija u mliehom b’qawwietu. Illum aħna nfakkru dak il-waqt u ninfetħu mill-ġdid għad-don tal-istess Spirtu Santu. F’dak l-Ispirtu ġejna mgħammda. F’dak l-Ispirtu aħna msejħa biex naqsmu l-missjoni ta’ Kristu. F’dak l-Ispirtu nsiru realment il-Poplu tal-Pentekoste, l-Appostli ta’ żmienna. “Ejja, Spirtu Santu, imla l-qalb tal-fidili tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek”.

Hekk ikun.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: