VIŻTA PASTORALI FIL-GRAN BRITTANJA
QUDDIESA FIL-KATIDRAL TA’ LIVERPOOL
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Liverpool, 30 ta’ Mejju 1982
Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.
1. Waqt li wasal biex jikkonkludi ruħu l-Ħadd ta’ Pentekoste, ninsabu miġburin f’din il-Knisja, il-Katidral ta’ Kristu Sultan ġo Liverpool, biex niċċelebraw l-Ewkaristija Mqaddsa, sors u quċċata tal-ħajja nisranija, barra li sagrament tal-għaqda u tal-imħabba.
Matul dan il-pellegrinaġġ apostoliku tiegħi fil- Gran Brittanja huwa pjaċir tiegħi mhux biss li niċċelebra l-Ewkaristija imma wkoll li namministra s-sagramenti l-oħra lill-fidili tal-Knejjes lokali. Diġa kelli l-okkażjoni li niċċelebra Magħmudijiet u Ġriżmi, u li nagħti s-sagrament tal-Griżma tal-Morda. Għalkemm illejla mhux possibbli niċċelebra s-sagrament tal-Qrar, nixtieq bdanakollu nenfasizza l-importanza tal-penitenza u tar-rikonċiljazzjoni fil-ħajja tal-Knisja, u fil-ħajja individwali ta’ kull membru tagħha.
Sentejn ilu il-Kungress Pastorali Nazzjonali iltaqà f’dan il-Katidral biex jinawgura x-xogħlijiet tiegħu b’ċerimonja ta’ ndiema u rikonċiljazzjoni. Dawk preżenti talbu biex jiksbu saħħa u maħfra, u wkoll il-grazzja li jkunu fidili għar-rieda ta’ Alla. Talbu sabiex id-dawl u l-għaqal imexxu d-deċiżjonijiet tagħhom u jsaħħu mħabbithom lejn il-Knisja. Illejla ltqajna quddiem l-istess altar biex nonoraw u nigglorifikaw il-Mulej, biex infaħħru lil Alla tagħna li huwa tant ħanin. Aħna nirrendu kont tal-bżonn tal-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni. Aħna wkoll nitolbu biex nifhmu fejn kien hemm nuqqas ta’ fehim. Infittxu biex insibu għaqda fl-istess Spirtu Santu li joffri tant doni lill-fidili u ministeri differenti lill-Knisja.
2. Qabel il-Pentekoste, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Irċievu l-Ispirtu Santu. Lil min taħfrulu dnubietu ikunu maħfura u lil min iżżommuhomlu jkunu miżmuma”. (Ġw 20, 23). Dan il-kliem tas-Salvatur tagħna ifakkarna d-don fundamentali tal-fidwa tagħna: id-don li jkollna dnubietna maħfura u li nkunu rikonċiljati ma’ Alla. Il-maħfra tad-dnubiet hija don totalment b’xejn u immeritat, tiġdid ta’ ħajja li ma jirnexxilniex inkella niggwadanjaw. Alla joffrihulna fil-ħniena tiegħu. Bħalma kiteb San Pawl: “Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija” (2 Kor 5, 18).
Ma jeżisti ebda dnub li ma jinħafirx, hekk aħna navviċinaw t-tron tal-ħniena b’qalb umli u niedma. Ebda ħażen mhu iktar qawwi mill-ħniena nfinita ta’ Alla. Waqt li sar bniedem, Ġesù ippenetra għal kollox fl-esperjenza umana tagħna, sal-punt li sofra l-effett aħħari u l-iktar krudil tal-poter tad-dnub – il-mewt fuq is-Salib. Sar verament bħalna, f’kollox minbarra fid-dnub. Imma l-ħażen, bil-qawwa kollha tiegħu, ma rnexxilux jirbaħ. Waqt li miet, Kristu qered il-mewt tagħna: waqt li qam mill-imwiet, ġab lura l-ħajja; il-ġrieħi tiegħu fejquna u dnubietna kienu maħfura. Għal dan il-mottiv, meta l-Mulej deher lid-dixxipli tiegħu wara l-Qawmien mill-Imwiet, urihom idejh u ġembu. Ried li huma jaraw li r-rebħa kienet ġiet mirbuħa; li hu, il-Kristu Rxoxt, kien bidel is-sinjali tad-dnub u tal-mewt f’simboli ta’ tama u ta’ ħajja.
3. Bir-rebħa tas-Salib tiegħu, Ġesù Kristu kien kiseb għalina l-maħfra ta’ dnubietna u r-rikonċiljazzjoni ma’ Alla. U huma dawn id-doni li Kristu joffrilna meta jibgħat l-Ispirtu Santu lill-Knisja, għaliex kien qal lill-Appostli: “Irċievu l-Ispirtu Santu. Lil min taħfrulu dnubietu jkunu maħfura” (Ġw 20, 23). Permezz tal-Ispirtu Santu il-Knisja tkompli l-opra ta’ Kristu li tikkonsisti fli tirrikonċilja lid-dinja miegħu. Fl-epoki kollha l-Knisja hija l-komunità tal-fidili li rrikonċiljaw ruħhom ma’ Alla, il-komunità ta’ dawk li rċivew ir-rikonċiljazzjoni mixtieqa minn Alla Missier u miksuba permezz tas-sagrifiċċju ta’ Ibnu l-maħbub.
Barra minn dan il-Knisja hija min-natura tagħha dejjem rikonċiljanti, għaliex tittrażmetti lill-oħrajn id-don li hija rċeviet, id-don li tkun maħfura u magħmula unika ma’ Alla. Hija twettaq dan il-passaġġ b’diversi modi, imma b’mod speċjali permezz tas-sagramenti, u b’mod partikolari permezz tas-sagrament tal-Qrar. B’dan is-sagrament konsolatur hija tmexxi lil kull fidil personalment quddiem Kristu, u permezz tal-ministeru tal-Knisja, Kristu stess jirregala l-maħfra, il-qawwa u l-ħniena.
Permezz ta’ dan is-sagramen altament individwali, Kristu jkompli jersaq b’mod ġeneruż lejn l-irġiel u n-nisa ta’ żmienna. Jirristabilixxi l-għaqda fejn kien hemm in-nuqqas ta’ fehim, iġib id-dawl fejn d-dlam kien jirrenja, u jagħti tama u ferħ tali li d-dinja qatt ma tistà tagħti. Permezz ta’ dan is-sagrament il-Knisja tipproklama lid-dinja l-għana nfinita tal-ħniena ta’ Alla, dik il-ħniena li farrket il-barrieri li jifirdu lilna minn Alla u mill-proxxmu tagħna.
F’dan il-jum ta’ Pentekoste, waqt li l-Knisja tipproklama l-azzjoni rikonċiljatriċi ta’ Ġesù Kristu u l-poter tal-Ispirtu Santu, jiena nappella lill-fidili kollha tal-Gran Brittanja, u lill-membri l-oħra kollha tal-Knisja li jistgħu jisimgħu leħni jew li jaqraw kliemi: għeżież tiegħi, ejjew nagħtu enfasi maġġura lis-sagrament tal-Qrar f’ħajjitna. Ejjew nisfurzaw biex nissalvagwardaw dak li fl-ewwel enċiklika tiegħi iddeskrivejt bħala id-“dritt ta’ Kristu li jiltaqà ma’ kull wieħed u waħda minna fil-waqt-muftieh tal-ħajja spiritwali, kostitwit mill-waqt tal-konverżjoni u tal-maħfra” (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 20). U b’mod partikolari nitlob lilkom, ħuti saċerdoti, li tifhmu kemm strettament u effikaċament tistgħu tikkollaboraw mas-Salvatur fl-opra divina tar-rikonċiljazzjoni. Minħabba n-nuqqas ta’ ħin xi attivitajiet important kultant ikollhom jiġu abbandunati jew posposti, imma qatt il-Qrar. Agħtu dejjem preċedenza lil dan l-irwol tagħkom tipikament saċerdotali billi tirrapreżentaw lir-Ragħaj it-Tajjeb fis-sagrament tal-Qrar. U waqt li tixhdu u tfaħħru din l-azzjoni meraviljuża tal-Ispirtu Santu fil-qlub umani, ħossu li intom stess intom imsejħa għal konverżjoni ulterjuri u għal imħabba iktar profonda għal Kristu u l-merħla tiegħu.
4.Waqt li l-Insara llum iwettqu sforzi biex jirrikonċiljaw id-dinja, huma jħossu l-bżonn iktar minn qatt qabel qawwi li jkunu rikonċiljati għal kollox bejniethom. Infatti d-dnub tad-diżunjoni bejn l-Insara, li ilha sekli teżisti, tagħfas b’qawwa kbira fuq il-Knisja. Il-gravità ta’ dan id-dnub intwera bl-iktar mod ċar waqt il-Konċilju Vatikan II, li stabilixxa: “Mingħajr ebda dubjiu dan in-nuqqas ta’ qbil huwa kontradizzjoni miftuħa mar-rieda ta’ Kristu, iqanqal ostaklu fid-dinja u jikkawża ħsara għall-kawża qaddisa tax-xandir tal-bxara t-tajba lil kull krejatura” (Unitatis Redintegratio, 1).
Ir-restawrazzjoni tal-għaqda bejn l-Insara hija waħda mill-preokkupazzjonijiet maġġuri tal-Knisja fl-aħħar parti tas-seklu XX. U dan id-dmir jirrigwarda lilna lkoll. Ħadd ma jistà jiġi eżentat minn tali responsabiltà. Anzi, kull wieħed jistà jagħti l-kontribut tiegħu, żgħir kemm hu żgħir, u kollha aħna msejħin lejn dik il-konverżjoni nterna li hija l-kondizzjoni fondamentali tal-ekumeniżmu. Bħalma għallem il-Konċilju Vatikan II: “Din il-bidla fil-qalb u fil-qdusija tal-ħajja, flimkien mat-talb pubbliku u privat għall-għaqda tal-insara, għandha titqies ir-ruħ tal-moviment ekumeniku kollu, u tistà b’mod ġust tkun imsejħa “ekumeniżmu spiritwali”” (Unitatis Redintegratio, 8).
L-Ispirtu Santu, sors ta’ kull għaqda, jipprovdi l-Ġisem ta’ Kristu b’“varjetà ta’ doni” (1 Kor 12, 3), sabiex ikun jistà jinbena u jissaħħaħ. Hekk bħalma ta lill-Appostli d-don tal-ilsna b’mod li dawk kollha li kienu jinsabu Ġerusalem waqt l-ewwel Pentekoste setgħu jisimgħu u jifhmuu l-unika kelma ta’ Kristu, għaliex ma nistgħux aħna wkoll nitolbu li l-istess Spirtu Santu jagħtina d-doni li għandna bżonn biex inkomplu l-opra tas-salvazzjoni, u biex inkunu mill-ġdid magħqudin bħala ġisem uniku ta’ Kristu? F’dan aħna nemmnu u għal dan nitolbu, fiduċjużi fil-poter li l-Ispirtu ta lill-Knisja waqt il-Pentekoste.
5. “Ibgħat l-Ispirtu tiegħek . . . / u ġedded il-wiċċ tal-art” (Sal 103 [104], 30). Dan il-kliem tas-Salm huwa wkoll it-talba tagħna li llum ngħollu b’qalbna kollha lil Alla Omnipotenti sabiex iġedded il-wiċċ tal-art permezz tal-poter tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja. Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, o Mulej ġedded qlubna u l-menti tagħna bid-doni tad-dawl u tal-verità.
Ġedded djarna u l-familji tagħna bid-doni tal-għaqda u tal-ferħ. Ġedded blietna u l-pajjiżi tagħna bil-vera ġustizzja u bil-paċi dejjiema. Ġedded il-Knisja tiegħek fid-dinja bid-doni tal-penitenza u tar-rikonċiljazzjoni, bl-għaqda fil-fidi u fl-imħabba.
Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, o Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art!
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb