Ġwanni Pawlu II mal-Familji

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-GRAN BRITTANJA
QUDDIESA GĦALL-FAMILJI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
York, 31 ta’ Mejju 1982

Għeżież ħuti.

1. Fl-okkażjoni tal-festa tal-Viżitazzjoni ta’ Marija Verġni nagħtikom il-merħba tiegħi f’isem il-Mulej. Jiena kuntent li ninsab magħkom fil-belt storika ta’ York. Ninsabu fid-dell ta’ dan il-Monasteru sabiħ, u fil-kumpanija spiritwali ta’ tant irġiel u nisa qaddisin li għexu f’dawn ir-reġġjuni nordiċi.

Jiena tassew kuntent ninnota l-preżenza ta’ ħafna nsara, u jferraħni l-fatt li aħna magħqudin f’Magħmudija komuni u fir-riċerka mġedda ta’ għaqda sħiħa nisranija.

Insellem lir-rappreżentanti ċiviċi kollha tal-bliet u ċittadini tal-Ingilterra ta’ Fuq, u niżżi ħajr lil kulħadd għall-merħba kbira tagħhom.

Naf l-istorja, b’mod speċjali l-istorja reliġjuża, ta’ din il-parti tal-Ingilterra. Nirreferi għall-Gżira mqaddsa fejn Aidan u Cuthbert wasslu l-fidi kattolika. Infakkar lil Bede, li kiteb b’tant imħabba dwar l-ewwel snin tal-ħajja tal-Knisja fl-Ingilterra. Niftakar li elf sena wara rġiel u nisa stabbilew ruħhom f’dan ir-reġġjun minħabba l-fidi li kienu jħobbu. Mary Ward kienet tgħallem il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu lill-eżiljati Ngliżi. Margaret Clitheroe tat ħajjitha f’din il-belt ta’ York.

Jalla dawn in-nisa qaddisa jkunu jistgħu jispiraw lin-nisa tallum biex jassumu l-irwol ġust fil-ħajja tal-Knisja, bħalma jixraq għall-ugwaljanza tagħhom ta’ drittijiet u għad-dinjità tagħhom. Matul l-istess epoka is-saċerdot Nicholas Postgate li xerred il-Vanġelu tul  l-artijiet Xagħrin (Moorland) ta ħajtu f’dan il-post preċiż.

Dalgħodu ġewwa Manchester xi żgħażagħ ġew ordnati fis-saċerdozju sagru ta’ Kristu. Huma wieġbu għas-sejħa tal-imħabba ta’ Alla. Għal ħafna, bħalma għal Margaret Clitheroe, tali sejħa wriet ruħha bi u permezz taż-żwieġ u l-ħajja familjari.  Huwa dan l-argument li sejrin nitrattaw waqt il-laqgħa liturġika tagħna, li ġġibilna f’moħħna s-supremazija tal-grazzja feddejja ta’ Alla, intom, persuni miżżewġa, se tkunu mistiedna biex  iġġeddu l-wegħdiet li għamiltu f’jum iż-żwieġ tagħkom.

2. Fiż-żwieġ ir-raġel u l-mara jimpenjaw ruħhom b’mod mutwu f’rabta ta’ dedikazzjoni totali u reċiproka li qatt ma tistà tinħall. Għaqda sħiħa ta’ mħabba. Imħabba li ma tfissirx emozzjoni tranzitorja jew infatwazzjoni temporanja, imma hija deċiżjoni libera responsabbli li jintrabtu kompletament  “fix-xorti tajba u ħażina” mas-sieħed propju/sieħba propja. Dan huwa d-don tagħhom infushom lil xulxin. Din hija mħabba li għandha tiġi mxandra quddiem id-dinja kollha, u li hija inkondizzjonata.

Biex tkun kapaċi li tipprova dan it-tip ta’ mħabba ikollok bżonn li, sa mill-ewwel snin tal-ħajja sal-jum taż-żwieġ, ta’ tħejjija bir-reqqa li, biex tiżviluppaha b’mod adegwat, titlob l-appoġġ kostanti tal-Knisja u tas-soċjetà.

L-imħabba bejn ir-raġel u l-mara, ibbażata fuq Alla, tissupera lilha nfisha u tiġgenera ħajja ġdida: titwieled il-familja. Il-familja hija komunità ta’ mħabba u ta’ ħajja, bejta li fiha l-ulied jiġu ggwidati sal-maturità.

3. Iż-żwieġ huwa sagrament qaddis. Dawk li kienu mgħammda f’isem Ġesù, jiżżewġu wkoll f’ismu. Imħabbithom tikkonsisti fis-sehem fl-imħabba ta’ Alla, li huwa s-sors. Iż-żwiġijiet tal-koppji nsara, illum imġedda u mbierka, huma x-xbiha fl-art tal-meravilja ta’ Alla, tal-komunjoni sħiħa ta’ mħabba u ta’ ħajja tat-Tliet Persuni f’Alla wieħed, tal-patt ta’ Alla fi Kristu mal-Knisja.

Iż-Żwieġ nisrani huwa sagrament ta’ salvazzjoni. Huwa t-triq tal-qdusija għall-membri kollha tal-familja. Għal dan, u bil-qalb kollha, nirrakkomandalkom li tagħmlu mod li djarkom ikunu ċentri ta’ talb; dar li fiha l-proxxmu jkun mistieden biex jaqsam l-ospitalità, talb u tifħir lill-Mulej: “Bi qlub rikonoxxenti kantaw salmi, innijiet u kantiċi mnebbħa mill-Mulej; u linqas tagħmlu u tgħidu xejn li ma jkunx f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, waqt li tiżżu ħajr lill-Missier permezz tiegħu” (Kol 3, 16.17).

F’pajjiżkom ħafna żwiġijiet jiġu ċcelebrati bejn Kattoliċi u Nsara mgħammdin oħra. Kultant koppji ta’ dan it-tip isibu ruħħom quddiem diffikultajiet speċifiċi. Lil dawn il-familji jiena ngħidilhom: intom, fil-ħajja miżżewġa, tgħixu t-tamiet u d-diffikultajiet li jikkaratterizzaw it-triq lejn l-għaqda bejn l-insara. Esprimu flimkien din it-tama fit-talb, magħqudin fl-imħabba. Stiednu dejjem l-Ispirtu Santu tal-imħabba biex jidħol fi qlubkom u fi djarkom. Huwa se jgħinkom biex tkabbru l-fidi tagħkom u l-fehim tagħkom.

4. Ħuti, “Jalla l-paċi ta’ Kristu dssaltan fi qlubkom . . . ħallu li l-messaġġ ta’ Kristu, fil-milja kollha tiegħu, isib fikom dar” (Kol 3, 15.16).

Riċentement jiena ktibt eżortazzjoni apostolika lill-Knisja Kattolika kollha rigward l-irwol tal-Familja Nisranija fid-dinja attwali. Fit-tali eżortazzjoni jiena enfasizzajt l-aspetti pożittivi tal-ħajja familjari tallum, li jinkludu: kuxjenza iktar ħajja tal-libertà personali u attenzjoni maġġura għall-kwalita tar-rapporti interpersonali fiż-żwieġ, rieda maġġura li tippromwovi d-dinjità tal-mara, li tipprokreja b’mod responsabbli u li teduka lill-ulied. Imma fl-istess ħin ma stajtx nonqos milli niġbed l-attenzjoni lejn l-aspetti negattivi, li jinkludu: korruzzjoni tal-idea u tal-esprejenza tal-libertà, b’egoiżmu konsegwenti fir-rapporti umani; nuqqas ta’ fehim gravi fir-rapporti bejn ġenituri u wlied; numru dejjem jikber ta’ divorzji: il-flaġell tal-abort; il-firxa ta’ mentalità kontraċettiva li tmur kontra l-idea tal-ħajja.Barra minn dawn il-forzi qerrieda, jeżistu xi kondizzjonijiet soċjali u ekonomiċi li jinfluwenzaw miljuni ta’ esseri umani, li jimminaw fil-bażi is-solidità u  l-istabbilità tal-ħajja matrimonjali u familjari. Barra minn dan qerda kulturali tal-familja tiġi mwettqa minn dawk li jqisu l-ħajja matrimonjali “inutli” u “anakronistika”.  Dan kollu huwa sfida serja lejn is-soċjetà u lejn il-Knisja. Bħalma ktibt dakinhar: “L-istorja mhijiex sempliċement progress prestabbilit lejn dak li huwa aħjar, imma pjuttost fatt ta’ libertà, anzi taqtigħa bejn diversi libertajiet f’konflitt reċiproku” (Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, 6).

Inkellimkom, koppji miżżewġa, dwar tamiet u idejali li jsostnu l-viżjoni nisranija taż-żwieġ, u tal-ħajja familjari. Intom issibu fl-imħabba għal Alla, għalikom infuskom u għal uliedkom, il-qawwa li tkunu fidili lejn il-wegħdi matrimonjali tagħkom. Agħmlu mod li din l-imħabba tkun bħal sikka li tirreżisti kull tempesta u tentazzjoni. Liema awgurju aħjar jistà jagħmel għall-familji tagħkom il-Papa, jekk mhux il-kliem ta’ San Pawl lill-insara ta’ Kolossi: “Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, unità, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u jekk xiħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox . . . ilbsu l-imħabba” (Kol 3,12-14).

5. Li tkunu ġenituri llum tfisser preokkupazzjonijiet u diffikultajiet, imma wkoll ferħ u sodisfazzjonijiet. Uliedkom huma t-teżor tagħkom. Huma jħobbukom tant, ukoll jekk xi drabi jkollhom diffikultà biex jesprimu mħabbithom. Huma jaspiraw għall-indipendenza u ma jridux jikkonformaw mar-regoli. Kultant jirrifjutaw it-tradizzjonijiet tal-imgħoddi u saħansitra l-fidi tagħhom.

Fil-familja hemm bżonn li jinbnew xi pontijiet, mhux inwaqqgħuhom; u fuq il-bażi tal-esperjenza u tal-istudju jistgħu jiġu mmodellati espressjonijiet ta’ għaqal u ta’ verità ġodda. Dan tagħkom huwa ministeru ekkleżjastiku veru u propju. Iftħu l-bibien ta’ darkom u ta’ qalbkom għall-ġenerazzjonijiet kollha tal-familja tagħkom.

6. Ma nistgħux inħallu barra l-fatt li xi żwiġijiet ifallu. U bdanakollu dover tagħna li nipproklamaw it-tagħlim, rigward l-imħabba matrimonjali u li ninsistu fuq il-fedeltà għal dan it-tagħlim, biex nilħqu l-milja tal-ħajja fis-Saltna tas-smewwiet. Ma ninsewx li l-imħabba ta’ Alla għall-poplu tiegħu, l-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja, hija eterna u ma jistà jkollha qatt tmiem. U daqstant indissolubli u rrevokabbli huwa l-patt bejn ir-raġel u l-mara magħqudin miż-żwieġ nisrani (cf. AAS 71 [1979] 1224). Din il-verità hija konsolazzjoni kbira għad-dinja, u wkoll jekk xi żwiġijiet ifallu, il-Knisja u l-membri tagħha għandhom dejjem jipproklamawha b’fidi.

Kristu nnifsu, sors ħaj ta’ grazzja u ħniena, huwa qrib dawk kollha lil-ħajja tagħhom matrimonjali għaddiet minn provi diffiċli, niket u taqtiq il-qalb. Fl-epoki kollha, koppji miżżewġa nnumerevoli siltu mill-Misteru Paskwali tas-Salib u tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu l-qawwa li jixhdu b’mod nisrani – kultant b’diffikultà kbira – l-indissolubiltà taż-żwieġ nisrani. U l-isforzi kollha tal-insara biex juru ruħhom fidili għal-liġi ta’ Alla, minkejja d-dgħufijiet umani, ma kinux imwettqa għalxejn. Tali sforzi huma t-tweġiba umana, mogħtija permezz tal-grazzja ta’ Alla li kien l-ewwel li ħabbna u ingħata għalina.

Bħalma kelli mod nispjega fl-eżortazzjoni apostolika tiegħi Familiaris Consortio, il-Knisja tieħu sehem intensament għall-attenzjoni pastorali tal-familji fil-każijiet kollha li jippreżentaw diffikultà.

Hemm bżonn li navviċinaw b’imħabba – l-imħabbata’ Kristu – lil dawk li ġarrbu in-niket ta’ żwieġ fallut; dawk li l-ħajja familjari tagħhom hija kkaraterizzata minn traġedji jew mard mentali jew fiżiku. Jien nfaħħar lil min huwa ta’ għajnuna għal persuni vittmi ta’ żwieġ fallut, billi jwasslulhom per eżempju l-ħniena ta’ Kristu u u jikkunslawhom skont il-verità tiegħu.

7. Lill-Awtoritajiet pubbliċi, u lill-irġiel u n-nisa kollha ta’ rieda tajba jiena ngħid: għmlu teżor mill-familji tagħkom. Ippriteġu d-drittijiet tagħhom. Sostnu l-familji permezz tal-liġijiet u tal-amministrazzjoni ġusta. Ippermettu lill-familji li jesprimu l-opinjoni tagħhom qabel ma jittieħdu deċiżkonijiet politiċi. Il-futur tas-soċjetà tagħkom u tal-umanità kollha, jgħaddi mill-familja.

8. Ħuti fi Kristu, li sejrin iġġeddu l-wegħdiet magħmula fil-jum taż-żwieġ tagħkom: jalla l-kliem tagħkom mill-ġdid għal darb’oħra jesprimi l-verità li hemm fi qlubkom u jalla jkunu jistgħu jiġġeneraw imħabba kostanti fil-qasam tal-familji tagħkom. Assikuraw li l-familji tagħkom ikunu veri u propji komunitajiet ta’ mħabba.  Agħmlu mod li din l-imħabba tilħaq persuni oħra, viċini u mbegħda, b’mod speċjali l-persuni weħidhom u f’diffikultà li tafu fost il-ġirien tagħkom, il-foqra u dawk kollha li jinsabu fit-truf tas-soċjetà. Hekk tibnu s-soċjetà tagħkom fil-paċi, ladarba l-paċi titlob fiduċja, u l-fiduċja hija bint l-imħabba, u l-imħabba titwielad fil-benniena tal-familja.

U kif nistgħu ma niftakrux dawk il-familji kollha li, fil-Gran Brittanja u fl-Arġentina, kellhjom jissaportu l-piż tqil tan-niket u tat-tbatija minħabba t-telfa tal-maħbubin tagħhom fl-Atlantiku t’Isfel? Waqt li nitolbu lil Alla biex isabbarhom fil-meditazzjoni tagħhom,  ejjew nitolbu għall-paċi, paċi ġusta u dejjiema, sabiex  ikunu ffrankati t-tbatijiet tal-gwerra lill-familji l-oħra, sabiex irġiel miżżewġa,, nisa miżżewġa u wlied ma jkollhomx jissagrifikaw dak li huwa għalihom iktar sagru fil-komunitajiet tal-familja, l-imħabba u l-ħajja.

Illum u dejjem, Alla jbierek lilkom u lill-familji kollha tal-Gran Brittanja. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading