Il-Kalendarju tal-Ferħ

Print Friendly, PDF & Email

Minn Edward Tagliaferro

Kelli biss disa’ snin meta missieri ġie lura mill-gwerra qawwi u sħiħ.  M’hemmx għalfejn ngħid x’ferħ kbir kien hemm id-dar dakinhar. Meta għedt b’dan lill-missieri qalli: “Ara, għad għandi l-kalendarju tas-sena l-oħra.  Se ntihulek biex tniżżel fih dawk id-dati li fihom int tkun ksibt xi ferħa, kemm kbira u kemm żgħira.  Mela sib id-data tal-lum, 15 ta’ Diċembru 1945, u niżżel: Jum It-Tgħannieq. Aktar ma tikber, aktar se jkollok dati fih.”   Imbagħad x’se nagħmel bih, Pa?”  “Ibni, se jiġu ġranet f’ħajtek li jnikktuk u forsi se jkunu wkoll ta’ qtigħ il-qalb.  Meta jiġri dan, aqbad dan il-kalendarju tal-ferħ, għax hekk għandek issejjaħlu,  u dur ftit xi dati li tawk ħafna ferħ f’ħajtek.  Żgur li hekk se ttaffi l-weġgħat u terġa’ tixref tbissima fuq fommok.  Dan ukoll itik il-kuraġġ biex tegħleb l-ostakli tal-ħajja u tibqa’ miexi ‘l quddiem.”

Hekk għamilt.  Niftakar li dakinhar ktibt xi dati li kont għext diġa’- id-data tat-twelid, tal-Magħmudija, l-ewwel jum tal-iskola, u l-Ewwel Tqarbina.   Għall-ewwel, dal-kalendarju speċjali beda jimtela bil-mod.    Għalhekk ġieli niżżilt dawk il-ġranet fejn l-aktar kellna xemx.

Għadda ż-żmien, ul-kalendarju kompla jimtela b’aktar dati: meta għaddejt għad-dħul fl-universita’, jum il- gradwazzjoni, l-ewwel tfajla li kelli, għerusija, żwieġ, it-twelid ta’ uliedi, anniversarji ta’ birthdays, Milied, Għid, vaganzi u Jum ir-Ringrazzjament.

Bla dubju ta’ xejn, waslu wkoll xi jiem ta’ swied il-qalb u ta’ diffikultajiet – bħall-imwiet tal- ġenituri u qraba oħra, jew meta ħabta w sabta sfajt bla xogħol għal xahar sħiħ. Meta oħrajn forsi sfaw mgħaffġin taħt piżijiet bħal dawn, jien kont iffurtunat li kelli l-kalendarju tal-ferħ li għeni nġedded il-memorji tal-isbaħ jiem ta’ ħajti. Dan farraġni, fakkarni kemm għandi għax niżżi ħajr lil Alla, u mlieni kuraġġ biex inkompli miexi ‘l quddiem.

%d bloggers like this: