It-Tlieta
Qari I
Jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed waħdu saltnet il-mewt, permezz ta’ dak il-wieħed, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù Kristu.
Rum 5, 12.15b.17-19.20b-21
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Għeżież, bħalma kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu. Għax jekk permezz ta’ ħtija waħda mietet il-kotra, aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra. Għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed waħdu saltnet il-mewt, permezz ta’ dak il-wieħed, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù Kristu.
Mela kif bil-ħtija ta’ wieħed waħdu waslet il-kundanna fuq il-bnedmin kollha, hekk ukoll bl-opra tal-ġustizzja ta’ wieħed waslet lill-bnedmin kollha l-ġustifikazzjoni tal-ħajja. Għax kif bid-diżubbidjenza ta’ bniedem wieħed il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’ wieħed il-ħafna jsiru ġusti.
Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja. B’hekk, kif id-dnub saltan permezz tal-mewt, hekk issa l-grazzja ssaltan permezz tal-ġustizzja għall-ħajja ta’ dejjem bis-saħħa ta’ Ġesù Kristu Sidna.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 39 (40), 7-8a.8b-9.10.17
R/. (ara 8a u 9a): Hawn jien Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek
Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej. R/.
Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.
Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu. R/.
Jithennew u jifirħu bik dawk kollha li jfittxuk;
jgħidu dejjem: “Kbir il-Mulej!”
dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 21, 36
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu,
biex tkunu tifilħu tieqfu quddiem Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru!
Lq 12, 35-38
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih.
Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.
U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu