Qari tat-Tlieta tat-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta

Qari I

Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla.

Rum 8, 18-25

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Għeżież, jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina. Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla; għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa – mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha – bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla.

Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna. Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista’ wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m’aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 125 (126) 1-2ab.2ċd-3.4-5.6

R/. (3a): Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,

konna qisna mitlufa f’ħolma;

imbagħad bid-daħk imtela fommna,

u bl-għajjat ta’ ferħ ilsienna. R/.

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:

“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom”.

Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.

Biddel, Mulej, xortina

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ

jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.

Huma u sejrin, imorru jibku,

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura,

jiġu b’għana ta’ ferħ,

iġorru l-qatet f’idejhom. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 11, 25

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Iż-żerriegħa kibret u saret siġra.

Lq 13, 18-21

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Lil xiex tixbah is-Saltna ta’ Alla, u ma’ xiex se nxebbhuha? Tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel qabad u żeragħha fil-ġnien tiegħu, u mbagħad kibret u saret siġra, u l-għasafar tal-ajru marru jbejtu fil-friegħi tagħha”. U reġa’ qalilhom: “Ma’ xiex se nxebbahha s-Saltna ta’ Alla? Tixbah lil ftit ħmira li waħda mara qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sakemm għoliet l-għaġna kollha”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: