L-Isqof Hinder: Iż-żjara tal-Papa fil-Bahrain turi l-ħsieb tal-Knisja kollha

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ħamis, il-Papa Franġisku jibda id-39 Vjaġġ Appostoliku tiegħu, li jieħdu fir-Renju tal-Bahrain. Il-vjaġġ se jkun bejn it-3 u s-6 ta’ Novembru. L-Isqof Paul Hinder, Kappuċin qal, li l-Qdusija Tiegħu qed jirritorna fil-Golf għat-tieni darba fi ftit aktar minn 3 snin biex isaħħaħ il-fidi Kattolika lokali u biex jagħti spinta oħra lid-djalogu interreliġjuż. L-Amministratur Appostoliku tal-Għarabja ta’ Fuq qal liż-żjara papali turi lir-reġjun mhux minsi.

“Aħna qegħdin fil-qalb, mhux biss tal-Papa, iżda wkoll fil-qalb ta’ ħafna fidili minn madwar id-dinja, hekk kif ikunu qed isegwu ż-żjara”.

Meta tkellem ma’ Mario Galgano ta’ Vatican News, l-Isqof imwieled fl-Isvizzera nnota li madwar 80,000 Kattoliku jgħixu fil-Bahrain, li ħafna minnhom huma ħaddiema migranti. L-Isqof Hinder qal ukoll li jqis il-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa bħala żjara lill-Knisja fir-reġjun kollu tal-Golf, peress li ħafna Kattoliċi hemmhekk jaqsmu realtà simili bħala “Knisja migranti”. Il-biċċa l-kbira tal-Kattoliċi ġejjin mill-Indja, l-Filippini, u s-Sri Lanka, kif ukoll minn postijiet oħra fil-Lvant Nofsani bħal-Libanu u s-Sirja.

Il-Papa Franġisku rċieva stedina personali għall-Bahrain mir-Re Hamad bi Isa bin Salman Al Khalifa, kif ukoll mill-Isqof Hinder min-naħa tal-Knisja lokali.

“Għaliex il-Bahrain? Għax huwa post li tradizzjonalment dejjem kien hemm relazzjoni tajba bejn il-gvern u l-Knejjes. Hija wkoll żjara ekumenika fil-Bahrain”.

Rigward l-iskop taż-żjara papali, l-Isqof Hinder offra l-għanijiet ġemellati tal-ekumeniżmu u l-inkoraġġiment. “Huwa ċert li se jinżamm u japprofondixxi djalogu interreliġjuż mal-Musulmani, mhux biss is-Sunni, iżda wkoll ix-Xiti u gruppi oħra fid-dinja Musulmana”, qal. “U min-naħa l-oħra biex jagħti kuraġġ lill-merħla tal-Kattoliċi u lill-Insara inġenerali, iżda speċjalment lill-Kattoliċi li jgħixu f’din is-sitwazzjoni speċjali”. L-Isqof Hinder irrimarka li l-Papa se jsib “Knisja multi-nazzjonali, multi-lingwistika” u pajjiż b’kultura li hija miftuħa ħafna għall-barranin.

Skont l-Amministratur Appostoliku tal-Għarabja ta’ Fuq, Kattoliċi minn pajjiżi ġirien se jkunu qed jieħdu sehem ukoll fl-avvenimenti pubbliċi tal-Papa Franġisku fil-Bahrain. L-organizzaturi saħansitra ggarantew madwar 2,000 post fil-Quddiesa tas-Sibt għall-fidili li jivvjaġġaw mill-Arabja Sawdija.

“Dan mhux eċċezzjonali”, qal l-Isqof Hinder, “għax anke issa, fi żminijiet ordinarji, ħafna fidili mill-viċinat tal-Għarabja Sawdija jiġu minn fuq il-pont biex jipparteċipaw fil-Quddiesa jew Sagramenti oħrafil-Bahrain.” L-Isqof żied li ż-żjara tal-Papa fiduċjuż li toffri “sinjal pożittiv” lill-Arabja Sawdija, li l-Isqof Hinder innota li nbidlet ħafna fit-18-il sena li serva fir-reġjun.

Fl-aħħarnett, l-Isqof ta’ 80 sena rrimarka li wasal lejn l-irtirar, u għalhekk iqis din iż-żjara papali bħala speċi ta’ twettiq tas-servizz tiegħu.

“Dan huwa tip ta’ qofol ta’ ħajti hawn fl-Għarabja. U jien ferħan ħafna għall-fidili tagħna matul iż-żmien tal-preżenza tiegħi, u napprezza l-esperjenza tajba tagħna u l-akkoljenza tagħhom, li qsamt magħhom il-vjaġġ tal-ħajja u l-ħarsien tagħhom”.      

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-11/bishop-paul-hinder-pope-francis-bahrain-visit-interview.html

%d bloggers like this: