Ma nafx jekk qattx rajtu xi tellieqa tad-dgħajjes tat-tip li jużaw l-istudenti tal-universita’ ta’ Oxford, Cambridge, eċċ fuq ix-xmajjar tal-Ingilterra.
Min ra tellieqa bħal din fuq il-post jew fuq it-TV, żgur li nnota li tmienja jew għaxar persuni jaqdfu flimkien, fil-waqt li tmunier iżomm id-direzzjoni dritta tad-dgħajsa fil-waqt li b’megafonu jgħajjat istruzzjonijiet biex, kemm jista’ jkun, iż-żgħażagħ jagħtu qadfa waħda. B’dan l-arranġament, id-dgħajsa żżiċċ fuq wiċċ l-ilma b’ħeffa kbira. Imma kieku n-nies ta’ fuq id-dgħajsa kellhom jibdu r-rwol tagħhom, i.e. ikollna għaxra li jgħajtu ġol-megafonu u jordnaw x’għandu jsir, u wieħed biss jaqdef, x’jiġri? U jekk dawn l-għaxra jippretendu wkoll li t-tmun ikun f’idejhom? Ma naħsibx li d-dgħajsa timxi ‘l quddiem. Anzi, jekk tkun kontra l-kurrent, aktarx tmur lura.
Disgrazzjatament, hekk jiġri kull tant f’xi kumitat, għaqda soċjali jew tal-Knisja, jew kunsill governattiv: ħafna jkunu dawk li b’vuċi għolja jissuġerixxu u jisqħu x’għandu jsir, imma meta niġu biex inxammru ħa naqdfu, ftit li xejn joffru ruħhom. U l-proġetti jibqgħu nofs leħja.
Minn edward Tagliaferro