Il-Papa Franġisku jġedded ix-xewqa għall-paċi f’dinja mifnija mill-gwerra

Print Friendly, PDF & Email

Waqt li kien qed jindirizza lill-fidili miġbura fi Pjazza San Pietru wara t-talba tal-Angelus ta’ nhar it-Tnejn, il-Papa Franġisku ġedded l-appell tiegħu għall-paċi fid-dinja, speċjalment dawk li qed ibatu mill-gwerra fl-Ukrajna.

“Inġedded ix-xewqa tiegħi għall-paċi: paċi fil-familji, paċi fil-parroċċi u komunitajiet reliġjużi, paċi fil-movimenti u l-assoċjazzjonijiet, paċi għal dawk il-popli miftuma mill-gwerra. Paċi għall-għażiża u martri Ukrajna.”

Fil-festa ta’ San Stiefnu, l-Qdusija Tiegħu sellem lil dawk miġbura fi Pjazza San Pietru u lil dawk li kienu qed isegwu online “fi klima spiritwali ta’ ferħ u serenità tal-Milied Imqaddes”. Filwaqt li nnota numru ta’ bnadar tal-Ukrajna preżenti fil-pjazza, l-Papa talab għall-paċi għan-“nies martri” tal-pajjiż mifni bil-gwerra.

Il-messaġġ tat-twelid tal-Mulej bħala l-“Prinċep tal-Paċi” ġie enfasizzat nhar il-Ħadd, bil-messaġġ tal-Papa ‘Urbi et Orbi’, li fih il-Papa reġa’ tkellem dwar il-ħtieġa tal-paċi f’dinja li qed tbati mill-ġwerer u l-kunflitti. Filwaqt li nnota l-gwerer numerużi li qed jolqtu għadd ta’ popolazzjonijiet minn madwar id-dinja, l-Papa nnota li llum hawn il-vera “ġuħ għall-paċi”.

Dawk li huma partikolarment milquta mill-gwerra, kompla l-Papa, huma t-tfal, li qed ibatu l-ġuħ bħala riżultat tal-effetti u l-qerda tal-“gwerra bla sens” fl-Ukrajna u f’partijiet oħra tad-dinja. Fl-Angelus ta’ nhar it-Tnejn, il-Papa temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil dawk li bagħtulu l-awguri f’dan il-Milied u speċjalment għar-“rigal ta’ talb” tagħhom.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-12/pope-francis-angelus-stephen-peace-appeal-christmas.html

%d bloggers like this: