Isellmu lil Benedittu XVI: Eluf jagħtu r-rispett tagħhom f’San Pietru

Print Friendly, PDF & Email

Il-katavru tal-Papa Emeritu Benedittu XVI ġie trasferit fil-Bażilika ta’ San Pietru, fejn qed ikun espost għal tlett ijiem biex il-fidili jkollhom l-opportunità għat-talb u biex jagħtu l-aħħar tislima lill-Papa Emeritu.

Il-ġisem tal-Papa Benedittu XVI, tqiegħed quddiem l-Artal ta’ Rikonċiljazzjoni. Huwa ġie mlibbes b’ilbies liturġiku aħmar, bil-mitra, iżda mingħajr il-pallium (dan tal-aħħar simbolu ta’ ġurisdizzjoni li normalment ma jintużax għal prelat irtirat). Il-kuruna tar-rużarju miżmuma bejn is-subgħajh.

It-Tnejn filgħodu, il-fdalijiet tal-Papa Emeritus ġew trasferiti mill-Monasteru għall-Bażilika f’ċerimonja privata, ppreseduta mill-Kardinal Mauro Gambetti, Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Pietru. Iċ-ċerimonja qasira damet madwar nofs siegħa. Linja twila ta’ fidili, biex ikunu jistgħu jidħlu jagħtu l-aħħar tislima tagħhom, kienet diġa ffurmata kmieni t-Tnejn filgħodu qabel mal-bibien ta’ San Pietru nfetħu. L-espożizzjoni tal-ġisem se tkompli sa nhar l-Erbgħa, bil-Bażilika miftuħa għall-fidili mis-7am sas-7pm.

Nhar il-Ħamis, il-Papa Franġisku se jsir l-ewwel Papa fl-istorja moderna li jippresiedi bħala Papa fil-funeral tal-predeċessur tiegħu. L-Quddiesa tal-funeral se ssir fi Pjazza San Pietru u tibda fid-9.30am. Il-Papa Emeritu Benedittu XVI se jiġi midfun, kif talab, fil-kripta ta’ taħt il-Bażilika, fil-qabar fejn kien midfun San Ġwanni Pawlu II, qabel il-beatifikazzjoni tiegħu.

Skont ix-xewqa tal-mibki Papa Emeritus, il-funeral u r-riti u ċ-ċerimonji li jakkumpanjawhom se jkunu mmarkati bl-istess sempliċità li kkaratterizzat il-ħajja ta’ dan il-“qaddej umli fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2023-01/saying-goodbye-to-benedict-faithful-flock-to-st-peter-s.html

%d bloggers like this: