L-aħħar kliem tal-Papa Emeritu Benedittu XVI instemgħu f’nofs ta’ lejl minn infermiera. Kien għall-ħabta tat-3 ta’ filgħodu tal-31 ta’ Diċembru, diversi sigħat qabel ma miet, Joseph Ratzinger kien għadu ma daħalx fl-aħħar mumenti tiegħu, u dak iż-żmien il-kollaboraturi u l-assistenti tiegħu kienu jalternaw fil-kura tiegħu. Miegħu f’dak il-mument preċiż kien hemm infermiera waħda biss li ma kienitx titkellem bil-Ġermaniż.
L-Arċisqof Geog Gänswein, is-segretarju tal-Papa Emeritu, rrakkonta emozzjonalment li …
“Benedittu XVI, minn taħt l-ilsien, iżda b’mod ċar li jingħaraf, qal bit-Taljan: ‘Mulej, jiena nħobbok!’ Dak il-ħin, jien ma kontx hemm, imma l-infermiera qaltli biha ftit wara. Dawn kienu l-aħħar kelmiet li jiftiehmu, għax wara ma kienx kapaċi aktar jesprimi ruħu.”
“Mulej, jiena nħobbok!”, huma kliem, li huma bħala sinteżi tal-ħajja ta’ Joseph Ratzinger, li għal snin sħaħ kien ilu jipprepara għall-laqgħa finali, wiċċ imb’wiċċ, mal-Ħallieq tiegħu. Fit-28 ta’ Ġunju 2016, f’għeluq il-65 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tal-predeċessur emeritu tiegħu, l-Papa Franġisku enfasizza l-“karatteristika sottostanti” li mmarkat l-istorja twila tas-saċerdozju ta’ Joseph Ratzinger.
Il-Papa Franġsiku dakinhar qal: “F’waħda mill-ħafna siltiet sbieħ li inti ktibt fuq is-saċerdozju, tenfasizza li, fis-siegħa tas-sejħa definittiva ta’ Xmun Pietru, Ġesù, filwaqt li jiftaħ ħarsa fuqu, essenzjalment jistaqsi ħaġa waħda biss: ‘Tħobbni int?’ Kemm hu sabiħ u veru dan! Għax hawn, kif tkompli tgħidilna, f’dik ‘Tħobbni?’, li l-Mulej jistabbilixxi l-vera tifsira tar-ragħaj, għax biss bl-imħabba lejn il-Mulej, li l-Mulej ikun jista’ jirgħa permezz tagħna: ‘Mulej, int taf kollox, taf li jien inħobbok’”.
“Din hija l-karatteristika,” kien kompla jgħid il-Papa Franġisku fis-65 sena mill-anniversarju saċerdotali tal-predeċessur tiegħu, “li ddominat ħajtek kollha li qattajt fis-servizz saċerdotali u fis-servizz tat-teoloġija, li int iddefinejt, mhux b’każ, imma bħala ‘t-tfittxija għall-maħbub’; u dan huwa tassew dak li dejjem tajt xhieda għalih u għadek tagħti xhieda għalih illum: li l-ħaġa deċiżiva li tfassal kull ġurnata tagħna – kemm jekk xita jew xemx – dak li jagħti lok għal kull ħaġa oħra, hija li l-Mulej ikun tassew preżenti, li nixtiequh, li nkunu qrib tiegħu internament, li nħobbuh, li aħna tassew nemmnu fih, u li nemmnu li nħobbuh tassew. Hija din l-imħabba li tassew timla l-qlub tagħna, dan it-twemmin li jippermettilna nimxu b’fiduċja u f’paċi fuq l-ilmijiet, anke f’nofs maltempata, bħalma għamel Pietru”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2023-01/benedict-xvi-s-last-words-lord-i-love-you.html