Papa lid-Delegazzjoni Ekumenika Finlandiża: “Qatt tiddejqu trawwmu l-għaqda”

Print Friendly, PDF & Email

Meta l-Ħamis, iltaqa’ mad-delegazzjoni ekumenika mill-Finlandja, l-Papa Franġisku tkellem dwar l-importanza li ngħixu bis-sħiħ is-sejħa komuni, kondiviża mill-insara kollha mgħammdin fi Kristu, biex naħdmu bla heda għar-rikonċiljazzjoni, u nkunu aġenti tar-rikonċiljazzjoni f’dinja mkissra bil-gwerra.

Il-grupp qed iżur Ruma bħala parti minn pellegrinaġġ ekumeniku li qed jiċċelebraw l-Festa ta’ San Henrik, Isqof imwieled l-Ingilterra u miet martri fil-Finlandja, li huwa meqjum kemm mill-Kattoliċi u Luterani, kif ukoll minn diversi Knejjes Protestanti u Anglikani. Flimkien mal-membri Kattoliċi u Luterani, id-delegazzjoni kienet tinkludi wkoll rappreżentanti Ortodossi u Metodisti.

Il-Papa Franġisku beda l-indirizz tiegħu billi rringrazzja lill-mexxejja Kristjani Finlandiżi għall-kondoljanzi tagħhom għall-mewt riċenti tal-Papa Benedittu XVI. Waqt li fakkar fiċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija ta’ Ġesù, li ġiet iċċelebrata fit-8 ta’ Jannar, il-Papa fakkar lil dawk preżenti li l-magħmudija komuni tagħna fi Kristu ssejjħilna biex nippromwovu r-rikonċiljazzjoni fost l-insara, u f’dinja maqsuma.

“Wara li rċevejna l-magħmudija waħda, aħna, bħala dawk li nemmnu, aħna msejħin fuq kollox biex inroddu ħajr, għax, ibda mill-ilmijiet tal-magħmudija, l-eżistenza tagħna stess ġiet rikonċiljata ma’Alla, mal-oħrajn, u mal-ħolqien kollu. Bħala ulied rikonċiljati, aħna msejħin biex naħdmu bla heda għar-rikonċiljazzjoni ta’ bejnietna, u biex inkunu aġenti ta’ rikonċiljazzjoni fid-dinja tagħna.”

Il-Papa rrimarka li dan l-aspett huwa partikolarment rilevanti hekk kif il-Knejjes minn madwar id-dinja qed jiċċelebraw il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara, li din is-sena qed niffukaw fuq it-tema: “Agħmel il-ġid, fittex il-ġustizzja” (Is 1,17). “F’dan il-kliem,” innota l-Papa, “nisimgħu eku tal-magħmudija tagħna, li ssejjħilna, ġustifikati bil-grazzja, biex inwettqu xogħlijiet ta’ ġustizzja u noffru ġesti konkreti ta’ qrubija lejn il-vittmi tal-inġustizzja, l-emarġinazzjoni u diversi forom ta’ oppressjoni, speċjalment l-gwerra.”

“Bħala xhieda tal-fidi fi Kristu, li għaddas lilu nnifsu fil-fraġilità tal-kundizzjoni umana tagħna, aħna fid-dmir li ngħoddsu lilna nnfusna fil-pjagi ta’ dawk kollha li huma fil-bżonn. U li nagħmlu dan flimkien.”

Waqt li fakkar lil San Henrik bħala “xhud tal-fidi, messaġġier tat-tama u strument ta’ mħabba”, l-Papa insista fuq l-importanza li nagħrfu l-kobor tal-għaqda li naqsmu, li nitolbu flimkien u li naħdmu b’mod intensiv biex negħlbu l-firdiet, u li nkunu ħaġa waħda “biex id-dinja temmen.”

Madankollu, qal, l-għarfien ta’ din ir-realtà mhix biżżejjed. Jeħtieġ li nrawmu passjoni ġenwina li ġejja “mix-xewqa li negħlbu l-kontro-xhieda mogħtija mill-firdiet storiċi fost l-insara li għamlu ħsara lill-għaqda tal-Ġisem ta’ Kristu. Fuq kollox illum, neħtieġu ħeġġa ħerqana għall-evanġelizzazzjoni”, saħaq il-Papa. Għalhekk tenna s-sejħa tiegħu “biex ma ngħejjew qatt inħobbu, u bit-tama, infittxu lil dawk li huma ‘l bogħod” u biex “inrawmu xewqa profonda u ħerqana li nxandru lil Ġesù u li nibnu l-għaqda li tant nixtiequ.”

Fi tmiem, il-Papa Franġisku stieden lil dawk preżenti biex jitolbu flimkien ir-Talba tal-Missierna li qal, “aktar minn kull talba oħra, turi r-realtà tal-magħmudija tagħna”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-to-finnish-ecumenical-delegation-never-tire-to-build-unity.html

%d bloggers like this: