Għaliex l-abort mhux aċċettabli

Print Friendly, PDF & Email

Mons. Dr Joseph Zammit, Vigarju Ġudizzjali

Ara l-artiklju bl-Ingliż …

Il-qtil dirett ta’ essri uman innoċenti hu, mingħajr eċċezzjoni, reat. Il-qtil ta’ essri uman li ma jistax jiddefendi lilu nnifsu jżid mal-gravità ta’ dan l-att barbaru. Il-qerda intenzjonata u brutali ta’ fetu minn min qatt ma ħaseb li jasal biex joqtlu – jiġifieri, l-omm li tatu n-nifs tal-ħajja – iżjed u iżjed ma tiftiehem xejn.

Fid-dawl ta’ dan u aċċettat il-fatt mingħajr marġini ta’ dubju insensat u egoistiku, l-abort mhux biss m’għandux jingħata l-possibbiltà li jitwettaq, imma lanqas li jiġi diskuss. Att ta’ stmerrija ma għandu qatt jingħata ċans li jiġi kkontemplat, wisq inqas li jiġi mwettaq.

F’dan il-punt, dak li għandu jiġi propost hija biss l-għajta moħbija ta’ min għadu fil-ġuf, li tipprova irreżistibbilment issemma’ leħinha permezz tal-vuċi qawwija tagħna.

Regola tad-deheb tippreżenta ruħha quddiem kull bniedem ta’ rieda tajba, ’l hinn mill-fidi li jħaddan jew ma jħaddanx: ‘Tagħmilx lill-oħrajn dak li ma tixtieqx li oħrajn jagħmlu lilek’. Aħna, ċittadini Maltin, il-Kelma ta’ Alla l-Ħaj li ċanfret lil Kajjin “Fejn hu ħuk?” (Ġen 4:9) għandha theżżiżna. Ma għandniex niġġarrfu fil-qrati x’aktarx imqarrqa tal-imħuħ tagħna, għaliex hemm min fil-ħniena tiegħu hu l-uniku veritier li jista’ jiggarantixxi l-ġustizzja: Alla. Imma ħsibijietna u għemilna m’għandhomx ikunu mmexxija mill-biża’ imma mill-imħabba.

U nerġa’ nistaqsi: Min jiena jien biex nimmanipula l-ħajja ta’ ħaddieħor mill-bidu nett tat-tnissil sat-tmiem naturali tagħha, meta mhux jien is-sid tal-ħajja? Min tani dan it-twemmin żbaljat, dan id-dritt li qatt ma rċivejt? Aħna rridu nkunu onesti magħna nfusna u niċċaħħdu milli nippruvaw li naħfnu dak li qatt ma kien u qatt mhu ser ikun fdat lilna.

Is-soċjetà tagħna m’għandha qatt tinsa illi t-twelid ta’ tarbija mhuwiex dritt mogħti lil xi ħadd, imma rigal minn fuq. U dan ir-rigal għandu jibqa’ rigal, u mhux jiġi rimudellat skont l-għarfien limitat tagħna mħallat mill-egoiżmu.

Hawnhekk wieħed jista’ jargumenta, għalkemm b’raġuni mhux daqstant approprjata: ‘Dwar il-prinċipju u l-valur, naqbel; imma xi tgħid dwar li turi ħniena ma’ dik il-mara illi sfat vittma ta’ att selvaġġ u ovvjament li ma xtaqitux? Kif għandi nirreaġixxi f’dak il-każ?’.

It-tweġiba ma tistax ma tkunx dik li wieħed irid iħares ukoll lejn it-tarbija li sfat doppjament vittma jekk it-tqala mhux mixtieqa tiġi litteralment miknusa u l-ħajja tenera tagħha meqruda.

Wieħed irid ukoll jistaqsi – anki jekk hemm moħbi sentiment xi ftit jew wisq egoistiku – x’kien ikun jekk it-tarbija li tinqatel kienet inti stess, b’tali mod li ma kien ikollok qatt il-possibbiltà li tikber u twarrad fil-ħajja u tkun rigal għas-soċjetà, soċjetà li tkun poġġietek f’pożizzjoni għolja u fdatlek poter mhux żgħir!

Ejjew inkunu soċjetà matura, eżempju qawwi għall-pajjiżi Ewropej li nagħmlu parti minnhom, legat ta’ surplus ta’ valuri, iktar milli defiċit ta’ ġustizzja.

Aktar fuq l-Abort …

%d bloggers like this: