Il-Papa jibgħat għajnuna lil dawk milquta mit-terremot fit-Turkija u fis-Sirja

Print Friendly, PDF & Email

Wara l-katastrofi kkawżata mit-terremoti li laqtu s-Sirja u t-Turkija fis-6 ta’ Frar, il-Papa Franġisku appella għall-qrubija u appoġġ konkret biex itaffu l-uġigħ ta’ dawk li qed isofru mid-diżastru. Disat ijiem wara t-terremoti qawwija, n-numru tal-imwiet dejjem qed jiżdied, li laħaq il-41,000 ruħ. Miljuni ta’ nies spiċċaw mingħajr dar u għajxien diċenti.

Filwaqt li nhar il-Ħadd, il-Papa ħareġ appell biex tingħata l-għajnuna, hu wkoll daħal fl-azzjoni permezz tad-Dikasteru għas-Servizz tal-Karità.

L-Erbgħa filgħodu kaxex ta’ għajnuna telqu mill-Port ta’ Napli abbord il-vapur MSC Aurelia Cargo, li huwa skedat li jittrakka f’Iskenderum, it-Turkija fi żmien jumejn. Minbarra għajnuna mill-gvern Taljan u NGO’s oħra, il-vapur qed iġorr 10,000 jumper termali li ġew ikkonsenjati personalment mill-Kardinal Konrad Krajewski, l-Almonier tal-Papa. L-ħwejjeġ termali huma ddestinati għall-kamp tar-refuġjat ta’ Kilis fit-Turkija, 50km minn Gaziantep u 60 km mill-belt Sirjana ta’ Aleppo.

It-tqassim tal-għajnuna se tkun fdata f’idejn l-operaturi tal-Fondazzjoni Rava, li ilha preżenti fiż-żona għal xi żmien u tipprovdi ikel u kenn lil eluf ta’ nies bla dar. Wara li faqqgħet il-gwerra fis-Sirja, l-kamp kiber biex jakkomoda madwar 60,000 refuġjat, iżda huwa wkoll dar għal ħafna oħrajn li jgħixu f’tined improvvisati. Kif mistenni, t-terremot ggrava s-sitwazzjoni u mijiet ta’ nies qed jingħaqdu mal-familji tar-refuġjati.

F’dak li għandu x’jaqsam mas-Sirja, l-Kardinal Krajewski qal li l-għajnuna mibgħuta mill-Papa permezz tad-Dikasteru għas-Servizz tal-Karità, hija f’forma ta’ għajnuna ekonomika fdata lin-Nunzjatura Appostolika. Din l-għajnuna se tiġi użata fit-territorju milqut biex isostni l-popolazzjoni li diġà hija eżawrita minn snin ta’ gwerra u li t-tbatija tagħha issa hija aggravata mill-konsegwenzi tat-terremot devastanti.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-02/pope-krajewski-dicastery-charity-syria-turkey-earthquake.html

%d bloggers like this: