Swor Marċellina Tabone FCJ:  Barka u Grazzja

Print Friendly, PDF & Email

Kitba ta’ David Rossi

Fil – Katidral tar-Rabat, Għawdex, jinstab kwadru u ftit xagħar bhala tifkira ma’ ġenb is-Sagrament Mqaddes li għalih Swor Marċellina tal-Assunta tat ħajjitha ġewwa l-Pakistan.  Bit-tbissima solenni hija tistedinna sabiex inħarsu lil hinn minn ħajjitna u noffruha kif għamlet hi għall-oħrajn mingħajr kundizzjoni.  Tistedinna wkoll sabiex naħfru lil dawk ħatja għalina kif għamlet oħtha Swor Doris lil dak li qatel lil missjunarja waqt li kienet qed taqdi d-dmir Nisrani tagħha ġewwa l-Pakistan bħala għalliema, superjura u qaddejja t`Alla fost il-Musulmani, Kattoliċi, Ħindu u Protestanti. 

Swor Marcellina ghal qalba mat-tfal li habbet

`Nitlob għalih kuljum sabiex jikkonverti u jsir nisrani qaltli Swor Doris b’ qalbha maqsuma iżda ferħana mimlija bl-imħabba tal-Feddej hekk kif tkun qed taqdi lis-Saċerdoti bħala membru tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu fid-Dar tal-Kleru.  Xi mħabba vera li toħrog minn qalb ta` mara kkonsagrata imma muġugħa għat-telfien ta` oht li kienet xempju ta` ħajja sempliċi mogħtija għal tfal fqar u oħrajn Nsara u mhumiex li jgħixu f`dan il-pajjiż mifrux bi ftit tama.

Maħfra li toħrog mill-benniena ta` trobbija fejn il-virtu` ta’ l-imħabba lejn Ġesu` kienet  tiġi pprattikata kuljum taħt l-osservanza ta` omm dixxiplinata li xtaqet l-aħjar għal uliedha Monsinjur Ġorg, Swor Doris, Swor Miriam tal-Klarissi, Marcella, Ġiġa u Antonietta, jigifieri Swor Marċellina, gawhra li dawwlet il-Knisja Maltija u lil dawk li jirrikoru għandha wara mewtha għal grazzja jew oħra fiċ-Ċimiterju tar-Rabat, Għawdex. 

Antonietta Ġużeppa Maria kienet tabilħaqq tfajla ferrieħija li ta` kuljum kienet tagħti qima lill-Ħallieq tagħha permezz ta` smigħ tal-Quddiesa Sagra u t-talba tar-Rużarju Mqaddes quddiem is-Sagrament Divin. Hemm taħt il-ħarsien ta` l-Omm Verġni Patruna Assoluta tal- Figlie di Maria  fejn din ir-ruħ obbedjenti għar-rieda t`Alla  kienet b`tant ħegga titgħallem dwar il-virtujiet kif kienet għamlet fl- Azzjoni Kattolika fejn rebħet gara u statwa tal-Qalb ta’ Ġesu’ bħala preludju għall-gara spiritwali u r-rebħa tal-ħajja eterna  ma’ l-Imsejħin Martri, Verġni  u Għarajjes ta` Ġesu`.

Fl-interess tal-ohrajn taht il-harsien tal-Madonna

 Din il-qaddeja magħżula kienet magħġuna ġewwa l-ġuf ta` familja mir-Rabat, Għawdex, immexxija minn missier li għajjex il-familja tiegħu mill-ħidma tal-forn u mħarsa minn omm dejjem lesta biex tmexxi lil uliedha fil- ħajja t-tajba skont it-tagħlim tal-Knisja li tul iż-żmien bkiet it-telfien ta` dawk li ħallew ħajjithom għall-fidi tagħhom f`artijiet tal-missjoni mbiegħda.     

Tat il wegħda tagħha ta` mħabba bla tmiem bħala membru kkonsagrat tas-Soriiet Franġiskani tal-Qalb ta` Ġesu` sabiex fuq il-passi għaqlin ta` Swor Margherita titfa’ ħarsitha lejn il-missjoni u lejn il-batut kif deher rifless fl-għarus tagħha Ġesu’ Kristu.  Qalet iva għas-sejħa t`Alla u dahħet soru. Ħalliet il-familja. Ħalliet lil pajjiżha u tat ħajjietha sabiex wettqet it-tliet sagrifiċċji li tkellem fuqhom waqt il funeral tagħha Mons Nikol G. Cauchi, Isqof  ta` Għawdex, fil-preżenza tal-President tar-Repubblika ta` dak iż-żmien l-Eċċellenza tiegħu Dr. Ugo Mifsud Bonnici, u aktar minn mitt saċerdot li kienu qegħdin jikkonċelebraw il-Quddiesa tat-twelid ġdid hekk kif ġabuha mill-Pakistan akkumpanjata minn Malta lejn Għawdex fuq lanċa mill-familjari tagħha.  Dawn bkew iżda raddew ħajr lil Alla għall-qariba li fethet it-triq għal tant vokazzjonijiet u sejħiet għall-ħajja kkonsagrata.  Ghax huma jingħarfu mill-frott tagħhom u l-frott ta` Swor Marċellina għadu jitma’ lil fqir u lil dawk li qegħdin ifittxu lil Alla f`din id-dinja ta` taqlib.  

Swor Marċellina tqaddset ma` sorjiet hutha li bdew il-missjoni ġewwa l-Pakistan fl-1953 u maż-żmien fuq xewqa ta` diversi isqfijiet u oħrajn inxterrdu u taw sehemhom f`diversi reġjuni ta` dan il-pajjiż bi predominanza Musulmana.  Waqqfu Djar Konventwali, kliniċi u skejjel biex iservu lil Mulej Ġesu` fil-fqir u l-batut mingħajr ma jfittxu l-glorja terrena.  Fr John Caruana f` The The Maltese Missionary Experience – Go and Teach All Nations (2014) jimxi pass pass mal-ħidma tas-sorijiet Maltin fil-Pakistan u juri kif bl-għajnuna t`Alla xterrdu sabiex ikollhom preżenza qawwija f`Mirpurkhas, fil-Provincja ta` Sind, fil-parroċċa ta` Landhi u f` Chichawatani bid-dar imsemmijja għall-fundatrici tal-Ordni Religjuza u Missjunarja `Casa Madre Margherita’.  Minbarra djar oħra ġewwa Faisalabad u postijiet oħrajn is-sorijiet waqqfu Casa Nazareth bħala il-Mother House ġewwa Karachi, il-belt kapitali tal-Pakistan bejn 1947 u 1959, filwaqt li għandhom post għall-formazzjoni għal tant xebbiet li jersqu lejn l-Ordni sabiex jingħaqdu magħhom fuq l-eżempju tajjeb li jkunu ħadu u b`hekk ma jkollhomx għalfejn imorru Ruma jew jiġu Malta, imma jibqgħu fl-ambjent tagħhom kif inħu xieraq.    

Hija ħaġa sabiħa li tesperjenza sejħa vokazzjonali u dawk kollha li jħossu x-xewqa li jingħataw għall-Mulej kif ghamlet Antonietta fiż-żgħożija tagħha għandhom mingħajr tfixkil ta` xejn iżuru lil dawn il-qaddejja ħienja u jħarsu il fuq sabiex il-Mulej iwitti it-triq u jagħti t-tagħmir meħtieġ ħalli jwettaq il-pjan Tiegħu.  Fil-ħsieb tiegħu Patri Karm Spiteri OCD jgħid li l-Vokazzjoni hija l-akbar barka li Alla jista` jagħti lill-ħliqa. Għaldaqstant, il-qalb tiegħek għandha tithenna meta l-Mulej isejjaħlek sabiex timxi warajh.

Hekk għamlet Swor Marċellina u hekk ukoll qegħda tistedinna mill-Ġenna sabiex inħarsu lejn l-Art Eterna u naħdmu għalija.   

%d bloggers like this: