Is-Sibt, 25 ta’ Marzu 2023: Omelija mill-Isqof Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex fit-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.

Omelija mill-Isqof Anton Teuma
L-Isqof Anton Teuma beda billi talab lill-koppji jagħmlu eżerċizzju. Qal lill-ommijiet u lill-missirijiet ipoġġu jdejhom fuq it-tarbija fil-ġuf. Kompla hekk:
Qegħdin tmissu ma’ xi ħaġa kbira ħafna, għax għalkemm tagħkom, imma tafu li mhix tagħkom – tagħkom imma mhux għalkollox. Qed tmissu ma’ misteru, ma’ xi ħaġa ikbar minna u minnkom. Qiegħda fikom: fikom hemm xi ħaġa kbira!
Alla qed jagħmel xi ħaġa kbira fikom u permezz tagħkom. U minkejja ftit tal-biża’, ftit tat-tensjoni, għandkom il-grazzja li fikom hu jinseġ, permezz tat-tissues tagħkom, permezz tal-ikel tal-omm u tas-sapport tal-missier, li hu importanti daqs l-ikel li tagħtu lil dan binkom jew bintkom… qed jibni permezz tagħkom ħajja ġdida. Imma huwa hu li qed jinseġ. Din hija xi ħaġa tal-ġenn!
Intom prova li Alla jeżisti. Forsi kien hawn min ilu jitħabat biex ikollu tarbija. Forsi kien hawn min minnkom ma stennihiex it-tarbija. Forsi kien hawn min minnkom xtaq mod u ġie mod ieħor. Forsi tixtiequ tifel u sa jkollkom tifla, għax ma jiddependix minna. Intom fikom għandkom rigal. Dan mhux biss frott tal-istint tal-bniedem, imma hu rigal. Intom konferma li mhux il-bnedmin jagħmlu t-tarbija.
Għaliex qed ngħid hekk? Għax jien ġieli niltaqa’ ma’ koppji li jinsew kemm kien importanti dan il-mument u ma jibqgħux jagħtu kas tal-imħabba ta’ bejniethom li għexu sakemm twieldet it-tarbija. Ma jibqgħux jagħtu kas tat-tarbija, ma jibqgħux jagħtu kas tat-tfal. Anzi, jgħidu: “Minħabba t-tfal mhux qiegħed magħha. Minħabba t-tfal mhux qiegħda miegħu”.
Sew! Minħabba t-tfal biss mhux ħa tibqa’ miegħu jew tibqa’ magħha. Iżda tibqa’ wkoll minħabba t-tfal. Mhux ma tqisux lit-tfal u mbagħad joħorġu qisu mhu xejn mill-istorja ta’ mħabbitkom. Skużawni li qed nitkellem hekk, imma din esperjenza li niltaqa’ magħha.
Nixtieq nagħmlu mument qasir ta’ skiet. Kif intom qegħdin b’idejkom fuq il-ġuf, itolbu flimkien: “Mulej, għinna ngħożżuha din it-tarbija. Nafu li din tagħna u mhix tagħna!”.
Intom ser tildu lil xi ħadd li mhux preċiż bħalkom. Lil min ser tildu ser jgħid: “Jien”. Annimal ma jgħidx: “Jien”, imma l-bniedem jgħid: “Jien”. Għandu identità, għandu personalità. U dik ma tagħtihilux biss il-mara jew ir-raġel, imma jagħtihielu Alla. Dik l-identità tibqa’, ma tmutx, għax ma tiddependix minnek. Kieku tiddependi mir-raġel jew mill-mara, kieku tispiċċa. Imma tiddependi minn xi ħadd ieħor aqwa minna li qiegħed jinseġ it-tarbija ġo fik.
Issa nagħmlu mument ta’ skiet u nitolbu bil-qalb.